L-Erbgħa, il-Membri Parlamentari Ewropej approvaw bidliet fil-politika tal-UE dwar ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fl-UE.
Ir-regoli l-ġodda jfittxu li jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u d-dritt internazzjonali, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement u l-projbizzjoni ta’ tkeċċijiet kollettivi, filwaqt li jipprevjenu l-abbużi u l-movimenti mhux awtorizzati fl-UE. Il-ftehim informali li ntlaħaq fl-1 ta’ Ġunju mal-Kunsill ġie approvat mill-plenarja, bi 418 favur, 218 kontra u 30 astensjoni.
Skont il-leġiżlazzjoni, deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lil ċittadin mhux tal-UE li jkun qiegħed illegalment fi Stat Membru se jkollu l-obbligu li jitlaq mill-pajjiż rilevanti tal-UE immedjatament jew fi żmien partikolari.
Obbligu ta’ kooperazzjoni u detenzjoni
Ċittadini mhux tal-UE soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn se jkunu meħtieġa jikkooperaw mal-awtoritajiet. Sabiex iħejju r-ritorn tagħhom, huma jistgħu jinżammu f’detenzjoni, abbażi ta’ valutazzjoni individwali, pereżempju jekk ma jkunux qed jikkooperaw, jippreżentaw riskju ta’ ħarba jew joħolqu riskju għas-sigurtà. Id-detenzjoni ser ikollha tiġi ordnata minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja, u tista’ ddum sa 24 xahar. B’kollox se tkun possibbli estensjoni ta’ mhux aktar minn sitt xhur jekk jinbidlu ċ-ċirkostanzi, tidher informazzjoni ġdida, jew titjieb il-kooperazzjoni ma’ pajjiż terz. Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz imur lejn Stat Membru ieħor jista’ jiġi applikat perjodu ġdid ta’ detenzjoni. L-istati membri ser ikunu jistgħu wkoll jirrikjedu rappurtar regolari jew l-obbligu li l-persuna tirrisjedi f’post deżinjat. Jistgħu jiġu imposti wkoll alternattivi għad-detenzjoni, bħal garanzija finanzjarja jew monitoraġġ elettroniku.
Miżuri investigattivi
L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jwettqu azzjonijiet investigattivi speċifiċi biex iħejju jew jiżguraw ritorn effettiv. Dawn jistgħu jinkludu tfittxijiet fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ta’ residenzi jew bini rilevanti ieħor, soġġetti għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, kif ukoll it-tfittxija u s-sekwestru ta’ oġġetti personali u apparati elettroniċi. Il-miżuri kollha jridu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u jibqgħu soġġetti għal salvagwardji u rimedji skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.
Ftehim ma’ pajjiżi barra l-UE biex jaċċettaw persuni rimpatrijati
Ser ikun possibbli li l-migranti jiġu ttrasferiti b’deċiżjoni ta’ ritorn, bl-esklużjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati, lejn “ċentri ta’ ritorn” fit-territorju ta’ pajjiż li jaqbel li jaċċettahom, abbażi ta’ ftehim konkluż minn stat membru tal-UE. Dawn il-ftehimiet jistgħu jiġu konklużi biss ma’ pajjiżi terzi li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali u l-prinċipju ta’ non-refoulement. L-awtoritajiet nazzjonali se jkollhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra qabel ma ftehim jidħol fis-seħħ.
Il-passi li jmiss
Wara l-approvazzjoni tal-Parlament, it-test jeħtieġ li jiġi adottat formalment mill-Kunsill u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ. Xi dispożizzjonijiet, inkluż dwar iċ-ċentri ta’ ritorn, il-valutazzjoni tal-età tal-minorenni u d-dimensjoni esterna tar-ritorni, se japplikaw immedjatament. Dispożizzjonijiet oħra li jeħtieġu passi preparatorji se jidħlu fis-seħħ 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni.

