Friday, June 19, 2026

Titnieda l-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

Aqra wkoll

Is-16-il edizzjoni tal-BOV Volleyball Marathon b’risq Id-Dar tal-Providenza se ssir bejn il-Ħamis 16 ta’ Lulju u s-Sibt 18 ta’ Lulju 2026 u, għall-ewwel darba, se tittella’ fil-Malta Fairs and Conventions Centre (MFCC) f’Ta’ Qali.

Il-maratona se tiġi inawgurata mill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, il-Ħamis 16 ta’ Lulju fis-6.30 p.m. u tintemm fil-11.00 p.m. tas-Sibt 18 ta’ Lulju 2026. Erbgħin plejer, magħżula wara sitt ġimgħat ta’ taħriġ, se jiffurmaw ħames timijiet u se jilagħbu l-volleyball bla waqfien għal aktar minn 53 siegħa, mhux għall-qligħ personali iżda biex isostnu kawża ġusta. Il-BOV Volleyball Marathon mhijiex biss avveniment sportiv, iżda wkoll espressjoni qawwija ta’ solidarjetà permezz tal-isport.

Waqt li kien qed jindirizza lil dawk preżenti fil-Pembroke Training Grounds, Mons. Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, enfasizza l-ħtieġa tal-fondi sabiex id-Dar tkun tista’ tkompli tipprovdi servizzi residenzjali lil 115-il resident tagħha. Huwa ddeskriva l-bidla għall-MFCC bħala inizjattiva importanti li toffri potenzjal kbir għat-tkabbir u għal aktar viżibilità. Mons. Micallef ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi għall-avveniment, jappoġġja lill-plejers li se jieħdu sehem f’din l-isfida u, fuq kollox jagħti l-kontribut tiegħu għal din il-kawża.

Meta kien qed jitkellem mal-midja, is-Sur Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta, qal li l-Bank huwa kburi li għal darb’oħra qed jappoġġja avveniment li jippromwovi d-dinjità, l-inklużjoni u l-opportunitajiet għal persuni b’diżabilità. Huwa nnota li l-Bank ilu għal snin twal sostenitur tal-Volleyball Marathon u jinsab ħerqan li jkompli dan l-impenn fis-snin li ġejjin. Għall-konferenza attendew ukoll Charles Azzopardi, Head of CSR, Events & Business Alliances fil-Bank of Valletta, u s-CSR Manager Samantha Abela Caruana.

Dawk li jżuru l-avveniment fl-MFCC għandhom jistennew atmosfera sabiħa adattata għall-familja kollha, bil-post il-ġdid joffri opportunità eċċellenti biex il-BOV Volleyball Marathon tilħaq livelli ġodda ta’ suċċess. L-Arts Council Malta qed tappoġġja wkoll l-avveniment u qed taħdem mal-organizzaturi sabiex jiġi ppreżentat programm ta’ divertiment ta’ livell għoli b’artisti ewlenin matul it-tlett iljieli. Lara & The Jukeboys se jtellgħu spettaklu l-Ħamis filgħaxija, Versatile Brass & Ensemble, il-Ġimgħa, filwaqt li s-Sibt Spiteri Lucas Band se tkun il-qofol ta’ Classic Rock Night.

Din is-sena timmarka wkoll it-tnedija ta’ pjattaforma online ddedikata għall-aġġornamenti dwar il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi u inizjattivi relatati magħha. Is-sit elettroniku sabihlitaghti.org se jikkumplimenta l-pjattaformi tal-midja soċjali tad-Dar tal-Providenza billi jipprovdi aġġornamenti regolari u jservi bħala portal online għad-donazzjonijiet.

Il-pubbliku jista’ jappoġġja din l-inizjattiva billi jċempel in-numri dedikati għad-donazzjonijiet, juża l-BOV Mobile Banking jew PayPal, jagħti donazzjoni online permezz tal-portal il-ġdid, jew jagħmel kontribuzzjoni direttament fil-kontijiet bankarji tad-Dar tal-Providenza.

€15 – 5170 2012
€25 – 5180 2013
€50 – 5190 2070
€100 – 5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile: 7932 4834

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport