Friday, June 19, 2026

Il-libsa milbusa minn Mary Spiteri fil-Eurovision Song Contest 1992 akkwistata minn Heritage Malta biex issir parti mill-Kollezzjoni Nazzjonali

Aqra wkoll

Il-libsa li libset il-kantanta Mary Spiteri meta rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest tal-1992, li sar f’Malmo, l-Iżvezja, meta bil-kanzunetta Little Child ikklassifikat fit-tielet post, se ssir parti mill-Kollezzjoni Nazzjonali tat-Tessuti wara li ġiet akkwistata minn Heritage Malta.

B’ġest ġeneruż, din il-libsa ngħatat minn Mary Spiteri lill-Malta Community Chest Fund, biex tiġi rkantata u l-flus offruti għaliha jmorru b’risq dawk li jiġu bżonn l-għajnuna tal-Community Chest Fund għal kura, trattament jew appoġġ ieħor fi żminijiet diffiċli ta’ ħajjithom.

Iddisinjata f’Milan, il-libsa għandha bust ta’ lewn maġenta u fuchsia, b’għonq forma ta’ qalb u piegi miġbura madwar is-sider. Il-parti ta’ fuq l-ispallejn hi mżejna b’mod rikk b’antaċċoli roża u lewlu, dettalji ta’ appliqué abjad, u disinji kumplessi. 

Aktar minn libsa, din hija parti tanġibbli mill-istorja tal-Eurovision, u partikolarment ta’ Malta fil-Eurovision, u simbolu ta’ ħila artistika u kburija nazzjonali hekk kif fl-1992 Malta ġiet fit-tielet post u għall-ewwel darba pajjiżna kklassifika fost l-aqwa tliet postijiet. 

Kien għalhekk li Heritage Malta, eżerċitat id-dritt tagħha skont l-Att 455 dwar il-Kultura, u akkwistat din il-libsa biex biha tkompli tarrikkixxi l-Kollezzjoni Nazzjonali tat-Tessuti fil-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija. Dan wara li jsirulha l-interventi ta’ konservazzjoni meħtieġa.

Il-preżentazzjoni tal-libsa lil Heritage Malta saret waqt lejla organizzata mill-Malta Community Chest Fund fil-Palazz ta’ Sant’Anton, fil-preżenza tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, li esprimiet l-apprezzament tagħha għall-ġest ta’ Mary Spiteri li ser ikompli jgħin lill-Malta Community Chest Fund fil-missjoni tagħha. 

Matul is-serata, Mary Spiteri qasmet ma’ dawk preżenti dettalji dwar il-karriera tagħha u dwar din il-libsa li xtrat u kkummissjonat hi stess. 

Fost oħrajn, il-kantanta spjegat kif hi wkoll kellha sehem fit-tfassil ta’ partijiet mil-libsa, u kif kienet idea tagħha li jiżdiedu l-għonq forma ta’ qalb u l-piegi, biex jirriflettu l-ħsieb li kellha f’moħħha. Dan jagħmel il-libsa aktar speċjali u personali – mhux biss kostum tal-palk iżda kreazzjoni artistika personali ħafna marbuta ma’ wieħed mill-aktar mumenti memorabbli ta’ Malta fil-Eurovision.

Matul is-serata, il-mistednin segwew intervista ma’ Mary Spiteri kif ukoll sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet immexxija minn Angie Laus. Dan offra opportunità rari biex jinstemgħu stejjer diretti mill-vjaġġ ta’ Mary Spiteri fil-Eurovision, il-karriera tagħha, u s-sinifikat personali tal-libsa nnifisha.  Wara d-diskussjoni, il-mistednin kellhom l-opportunità li jiltaqgħu personalment ma’ Mary Spiteri.

Il-lejla kienet organizzata b’kollaborazzjoni ma’ OGAE Malta u ġibdet udjenza ta’ nies li għandhom għal qalbhom il-Eurovision.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport