Friday, June 19, 2026

Titlesta fażi oħra tat-twessigħ ta’ Triq Bur il-Kbir fis-Siġġiewi

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard żar is-sit tax-xogħlijiet tal-Proġett ta’ Twessigħ tat-Triq Bur il-Kbir fis-Siġġiewi, fejn tlestiet fażi oħra ta’ dan il-proġett infrastrutturali importanti li qed jitwettaq minn Infrastructure Malta.

Dan il-proġett, li tnieda aktar kmieni din is-sena, jifforma parti mill-investiment kontinwu tal-Gvern sabiex ikompli jsaħħaħ is-sigurtà fit-toroq, itejjeb il-fluss tat-traffiku u jżid il-konnettività fin-network tat-toroq.

Il-Ministru Attard qal li dan il-proġett se jindirizza sfidi li ilhom jeżistu f’din iż-żona, b’mod partikolari dawk relatati mal-konġestjoni tat-traffiku u s-sigurtà fit-triq. “It-twessigħ ta’ din it-triq se jwassal għal ħinijiet ta’ vjaġġar aktar effiċjenti, aċċess aħjar għar-residenti u n-negozji tal-madwar, kif ukoll għal kundizzjonijiet aktar siguri għall-utenti kollha tat-triq,” sostna l-Ministru Attard.

Matul iż-żjara, il-Ministru Attard osserva mill-qrib ix-xogħlijiet li għaddejjin, fosthom l-iskavar tat-triq, xogħlijiet tal-art, il-kostruzzjoni ta’ strutturi ta’ sostenn fejn meħtieġ, kif ukoll il-formazzjoni tal-medda ta’ art meħtieġa għall-karreġġjata mwessgħa. Huwa ġie aġġornat ukoll dwar il-fażijiet li jmiss tal-proġett, li jinkludu aktar ħitan tas-sejjieħ.

Waqt iż-żjara ngħatat ukoll informazzjoni dwar il-koordinazzjoni kontinwa mal-provvediment tas-servizzi u dwar is-soluzzjonijiet tekniċi u inġineristiċi li qed jiġu implimentati sabiex ix-xogħlijiet jitwettqu bl-ogħla standards ta’ kwalità u sigurtà.

“Dan huwa proġett ieħor importanti li qed twettaq Infrastructure Malta fejn jidħlu twessigħ ta’ toroq fejn insibu mat-850 metru kwadru ta’ twessigħ li minnhom diġà saru 600 metru kwadru illi ċertament se jwasslu għal anqas konġestjoni tat-traffiku u aktar aċċessibilità fl-akwati,” spjega l-Ministru Attard.

Ix-xogħlijiet qed jitwettqu f’fażijiet sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq l-utenti tat-triq u l-komunitajiet tal-madwar, filwaqt li ġie mfakkar li bħala parti mill-progress tal-proġett, it-triq se tkun magħluqa għat-traffiku nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju sabiex il-proġett ikun jista’ jgħaddi għall-fażi li jmiss.

Min-naħa tagħha l-Perit Rebecca Grech qalet li tlestew parti sostanzjali tax-xogħlijiet fejn matul dawn l-aħħar xhur ġew iffinalizzati l-kostruzzjoni ta’ diversi ħitan tas-sejjieħ. “Barra minn hekk matul is-Sibt li ġej it-triq se tingħalaq kompletament biex jiġu mċaqilqin il-barrikati sabiex issa jibda x-xogħol fuq in-naħa l-oħra tat-triq,” qalet il-Perit.

Preżenti fuq il-post kien hemm fost l-oħrajn il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul, il-Kap tal-Operat il-Perit Janice Borg u impjegati oħrajn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport