Wednesday, December 25, 2024

Koppja b’ħanut tal-laħam mixlija b’ħasil ta’ flus

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Koppja minn Ħal Tarxien li għandha ħanut tal-laħam ġiet mixlija b’ħasil ta’ flus bil-Pulizja u l-avukati tagħhom mhux jaqblu dwar in-natura tal-allegat reati.

Anthony Manicaro u martu Mary Grace, it-tnejn ta’ 58 sena minn Ħal Tarxien, ġew mixlijin li ittrasferixxew proprjetà meta kienu jafu jew issuspettaw li din inkisbet minn attività kriminali.

Huma kienu akkużati wkoll li fis-16 ta’ Settembru li għadda, u fis-snin ta’ qabel, wettqu kummerċ bankarju bi ksur tal-liġi.

Ir-raġel waħdu kien akkużat ukoll li ikkommetta dan ir-reat fil-perjodu meta fil-konfront tiegħu kien hemm ordni ta’ probation mogħtija fl-24 ta’ Ottubru li  għadda mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Waqt li r-raġel għandu ħanut tal-laħam, il-mara ma taħdimx u tieħu ħsieb lil binhom ta’ 21 sena li għandu diżabilità.

Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja madankollu fuq talba tal-prosekuzzjoni kellhom l-assi tagħhom iffriżati.

L-Avukati Arthur Azzopardi u Stefano Filletti, li qed jiddefendi lill-koppja, talbu lill-Maġistrat Doreen Clarke biex l-akkużati jitħallew ibiegħu l-laħam ħalli ma jeħżienx.

Huwa semmew li l-koppja għandha madwar 700 kartuna bajd u seba’ freezers bil-laħam li jekk ma jinbiegħux ma kienux se jibqgħu tajbin.

Il-Maġistrat Clarke iddeċidiet li din it-talba kellha tkun deċiża mill-Qorti li se tisma l-kumpilazzjoni wara li jinstab xi ħadd li lest jixtrihom.

Għalkemm iż-żewġ avukati talbu għall-ħelsien mill-arrest din sabet l-oġġezzjoni tal-Ispetturi Oriana Spiteri, Keith Mallan u Danilo Francalanza li investigaw il-każ.

Iż-żewġ avukati appellaw għall-ħelsien mill-arrest biex il-koppja, partikolarment il-mara, tkun tista’ tieħu ħsieb it-tifel u nsistew li kuntrarjament għall-akkużi l-koppja taħdem biex dak li taqla’ tieklu.

Huma nsistew li familjari biex jieħdu ħsieb it-tifel m’hemmx u post fejn jinżamm lanqas kemm għax m’hemmx spazju u iktar u iktar issa minħabba l-pandemija waqt li ma jaffordjawx iħallsu biex jinżamm f’dar privata.

Min-naħa tagħha l-Ispettur Spiteri ikkonfermat li t-tifel tal-koppja għandu diżabilità u għamlitha ċara li qabel l-arrest huma bħala pulizija għamlu l-arranġamenti biex ikun hemm min joqgħod miegħu u fil-fatt ħadet ħsiebu oħt l-akkużata.

Hija oġġezzjonat li jingħata l-ħelsien mill-arrest fejn sostniet li r-raġel qalilha “minħabba ċ-ċekkijiet ġejtu hux?” u anke stqarr magħha li kienu qalulu n-nies li kellmuhom il-pulizija.

Fil-fatt il-każ jidher li huwa marbut ma’ tisrif ta’ ċekkijiet fejn allegatament persuni kienu jmorru għand il-koppja jixtru l-laħam u kienu jħallsuhom b’ċekkijiet li jkunu rċevew.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest kienet milqugħa taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li nhar ta’ Erbgħa jiffirmaw l-għassa ta’ Raħal Ġdid u dan taħt depożitu ta’ €2,000 kull wieħed u garanzija personali ta’ €10,000 ukoll kull wieħed.

Ekonomija

Sport