Friday, November 15, 2024

Koppja Bulgara jidħlu f’karozza pparkjata u jitfgħu l-affarijiet tagħhom hemm wara li tkeċċew mil-lukanda

Aqra wkoll

Koppja Bulgara ammettew fil-Qorti li daħlu f’karozza pparkjata f’Buġibba u tefgħu l-affarijiet personali tagħhom fiha wara li kienu tkeċċew mil-lukanda fejn kienu qed joqogħdu.

Plamen Goralov ta’ 56 sena u Penka Konstantinova Goralova ta’ 54 sena tressqu quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco mixlija li kkawżaw b’€651 f’danni fuq il-vettura inkwistjoni. 

L-Ispettur George Frendo spjega fil-Qorti li l-każ seħħ nhar is-7 ta’ Lulju li għadda. Il-pulizija kienet irċeviet rapport mingħand sid il-karozza fejn qal li kienet saritilha ħsara u nnota wkoll oġġetti li ma kinux tiegħu fuq is-seat u xi traċċi tad-demm. 

Il-koppja kienu arrestati meta, aktar tard matul il-jum, reġgħu lura fil-vettura biex jiġbru l-affarijiet tagħhom. Huma tressqu l-Qorti llum fejn wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom. Fis-seduta ma ġietx żvelata r-raġuni għalfejn kienu tkeċċew mil-lukanda.

Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti tordna lill-koppja tikkumpensa lil sid il-vettura għall-ħsara li kkawżaw. “Sentenza sospiża tkun biżżejjed,” qal l-Ispettur Frendo. 

L-Avukat Martin Matthew Farrugia, li assista lill-koppja, qal li l-klijenti tiegħu kienu wrew rimors ta’ dak li għamlu u li kienu ammettew għall-akkużi fi stadju bikri ta’ dawn il-proċeduri. 

Il-Maġistrat Lanfranco, filwaqt li sabithom ħatja, ikkundannat lill-koppja disa’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar u ordnatilhom iħallsu €651 f’danni lil sid il-vettura fi żmien sitt xhur, b’pagamenti kull xahar. 

Ekonomija

Sport