Koppja mill-Pakistan kienet ikkundannata piena ta’ għomor il-ħabs minn Qorti Taljana b’rabta mal-qtil ta’ binthom lura fl-2021 wara li hija kienet irrifjutat żwieġ irranġat.
Saman Abbas ta’ 18-il sena kienet tgħix f’Novellara qrib Bologna meta għebet f’Mejju 2021 wara li rrifjutat it-talba tal-familja tagħha li tiżżewweġ lil kuġiuha fil-Pakistan.
Tribunal f’Reggio Emilia fiċ-ċentru tal-Italja sab li l-ġenituri kienu ordnaw il-qtil u li kien iz-ziju li qatel li n-neputija tiegħu. Dan l-istess ziju kien ikkundannat 14-il sena ħabs wara li aċċetta ftehim dwar il-piena li kellha tingħata, filwaqt li żewġ kuġini kienu lliberati mill-akkużi miġjuba kontrih.
Abbas kienet irrapportat lill-ġenituri tagħha mal-pulizija u l-ħaddiema soċjali kienu poġġewha f’xelter f’Novembru tal-2020. Ġara iżda li hija kienet marret iżżur lill-familja tagħha f’April 2021 sabiex tiġbor il-passaport tagħha u tkun tista’ tibda ħajja ġdida mal-għarus tagħha.
Il-familja tagħha iżda ma approvatx dan u minn dakinhar ma dehritx aktar. Il-Pulizija kienu infurmati mis-sieħeb bl-għajbien tagħha fejn sar rejd fid-dar tal-familja f’Mejju tal-istess sena. Madankollu, il-ġenituri tagħha kienu laħqu telqu lejn il-Pakistan.
Kien irrapportat li Abbas x’aktarx li nqatlet fil-lejl ta’ bejn it-30 ta’ April u l-1 ta’ Mejju, u dan skont filmati tal-kameras tas-sigurtà li kienu juru ħames persuni ħerġin mid-dar tal-familja b’pali, ħadid u bramel. Huma kienu reġgħu daħlu f’din ir-residenza madwar sagħtejn u nofs wara.
Sena wara, il-katavru ta’ Abbas instab f’farmhouse u kellha għonqha miksur. Ħuha kien stqarr mal-pulizija li kien sema’ lil missieru jitkellem dwar il-qtil u li kien iz-ziju li qatel lil oħtu.
Il-missier, Shabbar Abbas, kien arrestat fil-Pakistan u ġie estradit lejn l-Italja f’Awwissu tal-2023. Iz-ziju Danish Hasnain, instab mill-awtoritajiet Franċiżi filwaqt li l-kuġini tagħha kienu arrestati fi Spanja.
L-erba’ rġiel kienu preżenti għall-ġuri, iżda l-omm, Nazia Shaheen, għadha maħruba.