Monday, December 9, 2024

Koppja teħel disa’ snin ħabs fuq prostituzzjoni

Aqra wkoll

Koppja Ungeriża li tgħix San Pawl il-Baħar kienet ikkundannat disa’ snin ħabs wara li nstabet ħatja li wżat żewġ tfajliet jagħmluha ta’ prostituti.

Robert Attila Majlat ta’  42 sena u martu Robert Attilane Majlat ta’ 37 sena ġew mixlijin li fl-14 ta’ Novembru 2017, u fix-xhur u snin ta’ qabel, ittraffikaw żewġ tfajliet taħt l-età bi skop ta’ prostituzzjoni, ġiegħluhom jagħmluha ta’ prostituti, għexu minn il-prostituzzjoni u  beżżgħuhom.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras irriżulta li kien fl-imsemmi xahar li l-Pulizija rċeviet informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Ingliżi dwar il-koppja Ungeriża fis-sens li dawn setgħu kienu involuti fil-prostituzzjoni.

Il-Pulizija saret taf li bint il-mara, li kellha 14-il sena, kienet tattendi skola partikolari u segwewha sad-dar fejn sabu li minbarra l-appartament li fih kienet toqgħod il-koppja kien hemm ieħor f’San Pawl il-Baħar fejn kien jintuża għall-prostituzzjoni.

Mill-istħarriġ irriżulta li l-mara kienet tagħti struzzjonijiet liż-żewġ prostituti dwar kemm kellhom idumu mal-klijenti, x’kellhom jilbsu u kemm kellhom iżommulhom imbagħad kienet tgħaddi l-flus lil żewġha li min-naħa tiegħu  kien jipprovdilhom fejn jgħixu, l-ikel u l-bżonnijiet ta’ kuljum.

Waħda mit-tfajliet qaltilhom li l-akkużat kien xtraha fl-Ungerija meta kellha 19-il sena u li kienet tivvjaġġa magħhom mentri l-oħra kienu ltaqgħu magħha fl-Ingilterra. Għalkemm il-Pulizija rriżultalha li kien hemm involuti tfajliet oħra dawn laħqu telqu minn Malta.

L-informazzjoni għand il-Pulizija kienet tgħid ukoll li l-koppja kienet involuta fi prostituzzjoni kemm f’pajjiżha kif ukoll fl-Ingilterra fejn anke ħuh u ommu kienu ġew investigati b’rabta ma’ żamma ta’ briedel u traffikar uman.

Il-Pulizja talbet ukoll informazzjoni lil kumpaniji li jittrasferixxu flus bejn pajjiż u ieħor fejn sabet li kuljum kienu jgħaddu flejjes bejn Malta, l-Ungerija, l-Olanda u l-Kanada bejn persuni kunjomhom Majlat.

Fuq żewġ siti partikolari, escortmalta.com u Backpage, il-Pulizija sabet li ż-żewġ tfajliet kienu qed joffru servizzi sesswali u mir-rejd li sar fl-appartament fejn kienet issir il-prostituzzjoni sabu numru ta’ kontraċettivi. Waħda mit-tfajliet qaltilhom li ġieli kien ikollha 15-il klijent kuljum u l-oħra ħamsa.

Għalkemm iż-żewġ akkużati ċaħdu li kienu ġiegħul lit-tfajliet fil-prostituzzjoni, il-Maġistrat Galea Sciberras ikkonkludiet li l-provi li ressqet il-prosekuzzjoni kienet biżżejjed biex issibhom ħatja u ikkundannathom disa’ snin ħabs kull wieħed.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u John Spiteri li investigaw dan il-każ.

Ekonomija

Sport