Friday, July 19, 2024

Koppja Żvediża tinżamm arrestata wara li tlewmu fuq multa ta’ €800 imposta fuqhom mill-Qorti

Aqra wkoll

Koppja Żvediża li kellhom xi jgħidu dwar multa ta’ €800 li kienet imposta fuqhom mill-Qorti, inżammu taħt arrest preventiv wara li tressqu fil-Qorti mixlija li kkaġunaw ġrieħi gravi lil xulxin.

Ronja Marie Ekenryd ta’ 33 sena u Moses Efraim Oskar Gudmundsoson ta’ 31 sena allegatament ġew fl-idejn it-Tlieta filgħodu fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa, fejn kienu qed jikkampjaw.

Ftit aktar minn xahar ilu, il-koppja kellhom każ ieħor wara li allegatament insultaw uffiċjali tal-pulizija u rrifjutaw li jobdu l-ordnijiet tagħhom.
Huma kienu mixlija f’seduta tad-distrett u ngħataw tliet xhur ħabs sospiżi għal sena kull wieħed filwaqt li kienu ordnati sabiex iħallsu €500 f’danni u multa ta’ €800 kull wieħed.

Dik il-multa allegatament wasslet għal argument wara li Gudmundsson kien talab lis-sieħba biex tħallas il-multa tiegħu ma’ tagħha. Is-sitwazzjoni eskalat tant li r-raġel spiċċa biex sofra ksur f’imnieħru u qatgħa f’idejh u l-mara kellha diversi tbenġil u sofriet minn uġigħ fi spallitha.

Fil-Qorti, il-mara ġiet mixlija li kkaġunat ġrieħi gravi fuq is-sieħeb tagħha, li ġarret sikkina mingħajr permess, li kkawżatlu biża’ u li allegatament wettqet reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

Min-naħa l-oħra, Gudmundsson ġie mixli li kkaġunalha ġrieħi gravi, li kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha u li wettaq dawn ir-reati waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Etienne Savona mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Christian Cauchi.

L-Avukat Victor Bugeja deher għal Gudmundsson filwaqt li l-Avukat Yanika Barbara Sant deher għal Ekenryd.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport