Saturday, December 28, 2024

Korsija ġdida mir-roundabout tal-Armier sat-Terminal taċ-Ċirkewwa 

Aqra wkoll

Se tkun qed tiżdied korsija kontinwa tul it-triq kollha mir-roundabout tal-Armier fid-direzzjoni lejn it-terminal taċ-Ċirkewwa f’proġett infrastrutturali ġdid li se jitlesta sa qabel is-sajf li ġej, bil-għan li min se jkun qed jaqsam il-fliegu jasal sat-terminal aktar malajr.

Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett li spjega kif flimkien mal-esperti tekniċi ta’ Infrastructure Malta, ħadmu fuq soluzzjoni biex il-karozzi li telgħin lejn Għawdex jibda jkollhom żewġ korsiji minflok waħda, mill-Armier saċ-Ċirkewwa.

B’investiment totali ta’ €7 miljun, dan il-proġett se jsir fuq firxa ta’ żewġ kilometri u nofs, bl-ewwel interventi se jibdew fuq it-triq mir-roundabout tal-Marfa fid-direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa. Il-Ministru Chris Bonett spjega kif b’dan il-proġett se tkun qed titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku filwaqt li tiżdied l-organizzazzjoni fiż-żona, bir-riżultat li jiġi ffaċilitat aħjar il-vjaġġ għal kull min jaqsam il-fliegu.

“Dan il-proġett, li se jsir wara li tlesta b’suċċess x-xogħol fuq it-triq lejn il-bajja tal-Għadira, huwa l-ewwel minn sensiela ta’ inizjattivi li mistennija jittieħdu fix-xhur li ġejjin biex inkomplu nnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku f’żoni ewlenin tal-pajjiż,” tenna l-Ministru Bonett.

Waqt żjara fiċ-Ċirkewwa, uffiċjali ta’ Infrastructure Malta spjegaw kif il-proġett, li ser isir fuq firxa ta’ żewġ kilometri u nofs, ser jinqasam f’fażijiet differenti, bil-ħidma l-ewwel tkun iffukata mir-roundabout tal-Marfa fiddirezzjoni lejn l-Għassa tal-Pulizija/Terminal taċ-Ċirkewwa.

L-istrutturi tal-ħadid li jifirdu l-karreġġjati ser jinbidlu u minflokhom ser isiru strutturi tal-konkrit li huma ċertifikati li joffru l-aqwa sigurtà possibbli. Il-bidla ta’ dawn l-istrutturi, ser tagħmilha possibbli biex jintrebaħ iżjed spazju li jista’ jintuża b’mod iktar effettiv.

Ser tinbidel ukoll l-istruttura eżistenti tal-pont ta’ fuq il-mina li tagħti lejn il-Moll tan-Nofsinhar, wara li saritlu ħsara estensiva kawża tal- elementi. Ix-xogħlijiet ser isiru bl-aktar mod għaqli possibbli fl-ispazju eżistenti. Se tkun qed tingħata importanza wkoll liċ-ċiklisti, bil-karreġġjata tar-roti eżistenti fit-triq mir-roundabout tal-Marfa saċ-Ċirkewwa se tibqa kif inhi u anke titwessa’ f’ċertu żoni, filwaqt li se tiżdied rotta alternattiva minn Triq ta’ Msid biex iċ-ċiklisti jgħaddu mill-Armier sal-Marfa.

Ittieħdu wkoll il-prekawzjonijiet kollha biex ma jingħalaqx l-aċċess għal partijiet ta’ madwar it-terminal għall-ħaddiema li jaħdmu fl-akkwati u biex ma tinħoloqx konġestjoni li tostakola s-servizz tat-trasport pubbliku u s-servizz ta’ emerġenza.

“Dawn il-proġetti jibgħatu sinjal ieħor ta’ Gvern li jżomm kelmtu u jibqa’ jinvesti fl-infrastruttura tat-trasport f’pajjiżna sabiex tagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità u fl-effiċjenza, filwaqt li tkompli tagħti lill-familji f’pajjiżna kwalità ta’ ħajja aħjar,” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Ekonomija

Sport