Saturday, May 4, 2024

Malta klassifikata bħala pajjiż ideali għall-films

- Il-magażin ‘The Hollywood Reporter’

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Malta kompliet tkabbar l-immaġini tagħha bħala destinazzjoni turistika ewlenija fil-magażin influwenti Amerikan ‘The Hollywood Reporter’ fejn mhux biss jagħmel referenza dwar is-sbuħija ta’ pajjiżna imma wkoll għaliex għandna faċilitajiet ta’ livell għoli għall-industrija u l-ġbid tal-films.

F’artiklu estensiv li kien ippubblikat fil-jiem li għaddew fuq dan il-magażin, jintqal kif permezz tal-films li nġibdu f’Malta fosthom Assassin’s Creed, Troy, Captain Phillips, Last Voyage of the Demeter, Gladiator u anke l-film li se joħroġ għall-wiri dalwaqt Gladiator 2 – persuni li qatt ma żaru pajjiżna b’danakollu jistgħu japprezzaw u jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ Malta.  

Fl-istess artiklu jingħad ukoll li hemm bosta raġunijiet għalfejn dawk li jipproduċu l-films qed jagħżlu li jiġu Malta… mhux biss għaliex hi post versatili li tipprovdi sfond kontemporanju iżda wkoll il-faċilitajiet tagħha u l-ekwipaġġ huma uniċi, l-inċentivi tat-taxxa huma ‘ġenerużi’ filwaqt li l-akkomodazzjoni hi fost l-aħjar fl-Ewropa, fejn din il-gżira tiftaħar li għandha ristoranti u lukandi ta’ livell għoli li fihom qagħdu atturi ċelebri bħalma huma Pedro Pascal u Joaquin Phoenix.

Dawn kollha jagħmlu lil Malta attraenti għat-turisti. Isemmi wkoll kif it-tankijiet tal-Malta Film Studios fil-Kalkara huma adattati għal xenarju li jinġibed fuq il-baħar tant li dawn il-faċilitajiet se jkunu kumplimentati bl-ewwel sound stage tax-xorta tiegħu.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jgħid li pajjiżna huwa ideali bħala lokazzjoni fin-nofsinhar tal-Ewropa bħalma diġa kien fil-ġbid tal-bidu tal-film Napoleon kif ukoll fis-sekwenza tal-film World War Z u l-film Munich ta’ Steven Spielberg.

Sport