Saturday, December 21, 2024

Kriminologu jwissi lill-ħwienet jarmaw b’‘security cameras’

Aqra wkoll

Il-Professur Saviour Formosa jemmen li s-‘cyber crimes’ se jiżdiedu u jwissi dwar il-vjolenza domestika

Il-kriminologu Saviour Formosa qed jappella lin-negozji biex jarmaw il-ħwienet b’’security cameras’ kemm fuq barra kif ukoll ġewwa hekk kif l-għeluq ta’ ħafna minnhom u l-fatt li s-sidien qed ikunu aktar fi djarhom tista’ twassal biex il-ħallelin ikunu aktar attirati lejhom.

Il-Professur Formosa ntalab minn Inewsmalta biex jagħtina l-opinjoni tiegħu dwar kif il-coronavirus tista’ taffettwa l-kriminalità fi sfond tal-fatt li ħafna nies qegħdin, għal raġuni jew oħra, jibqgħu d-dar.

Dan il-fatt żgur li jibdel ix-xenarju fir-rigward tal-kriminalità hekk kif is-serq mid-djar mistenni jonqos għal din ir-raġuni madankollu hemm aktar lok ta’ attentati fuq postijiet li jinsabu magħluqa għalkemm dan jista’ jiġi mfixkel ukoll minħabba l-preżenza akbar ta’ pulizija waqt ir-rondi biex iferrxu gruppi li jistgħu jinġabru ħdejn xulxin.

Minbarra t-twissija lin-negozji biex jarmaw bil-‘cameras’, il-Professur Formosa semmilna kif anke vetturi ipparkjati barra jistgħu jkunu fil-mira waqt li irrimarkalna wkoll kif issa li aktar nies qed jaħdmu mid-dar jistenna li s-‘cyber crimes’, jiġifieri reati li jsiru minn fuq l-internet, jiżdiedu.

Reat ieħor li possibilment jiżdied huwa dak tal-vjolenza domestika hekk kif aktar koppji u familji qed ikollhom joqgħodu ġewwa u allura jikber iċ-ċans li argumenti fi ħdanom jinbidlu fi vjolenza.

Hawnhekk huwa appella lill-mezzi tax-xandir u lill-NGOs biex jipprovdu aktar informazzjoni dwar fejn jistgħu jsibu l-għajnuna l-vittmi tal-vjolenza domestika.

L-ikbar żieda, 66%, ta’ reati fl-2019 kienet fis-serq mill-karozzi

L-aħħar studju dwar ir-reati mwettqa matul l-2019 li sar mill-istess Professur Formosa juri li b’mod ġenerali fl-2019 ir-reati kriminali naqsu bi 2.1% fuq l-2018.

Fl-imsemmija sena saru  15,589 rapport bl-iktar reat rappurtat li ra żieda kien dak tas-serq mill-vetturi b’qabża ta’ 66% fuq l-2018.

asdasdasd

Is-serq ġenerali ammonta għal 42.5% tal-każijiet kollha, żieda ta’ 2% fuq is-sena preċedenti, għalkemm fi 18-il sotto-kategorija naqsu mentri żdiedu fi 30 oħra.

Fost is-sotto-kategoriji ta’ serqiet li raw żidiet kien hemm dak minn siti li għadhom qed jinbnew li żdiedu bi 38% u dak minn djar fejn jgħixu n-nies li telgħu b’4% mentri l-pick-pocketing naqas b’29%.

Il-ħsara fi proprjeta ta’ ħaddieħor iffurmaw il-25.3% tal-każijiet totali wara li rat żieda ta’ 0.6% fuq is-sena 2018 mentri reati fejn persuna tieħu dak li bi dritt tħoss li hu tagħha wkoll żdiedu b’6%.

Attakki fuq persuni żdiedu b’4%, l-użu tal-forza fiżika b’39%, il-vjolenza domestika naqset b’1% u żdiedu b’61% ir-reati fejn persuna ssegwi oħra (stalking).

Reati fejn saret ħsara psikoloġika lill-vittma żdiedu bi 3% mentri vjolenza li kienet tinvolvi ġrieħi gravi wkoll żdiediet, b’4%.

It-theddid u vjolenza pubblika naqsu bi 8% mentri dawk kontra uffiċjali pubbliċi naqsu bi 15% waqt li l-offiżi sesswali żdiedu b’21%.

Reati ta’ frodi żdiedu b’20% u kienu t-tieni l-iktar reati komuni wara s-serq bil-każijiet ta’ ħasil ta’ flus jiżdiedu b’9%.

Ir-rapport tal-Professur Formosa sab ukoll li reati konnessi mal-kompjuter naqsu bi 17% mentri rapporti dwar droga naqsu b’54%.

Ekonomija

Sport