Krista Šujak għadha kemm ħarġet verżjoni akustika tal-kanzunetta Unheard, li biha kienet waħda mill-finalisti fil-Malta Eurovision Song Contest 2025. Il-kanzunetta, li nkitbet waqt il-Malta Eurovision Music Exchange Camp 2024 flimkien ma’ Tom Oehler, Dana Burkhard u Pelle Nylén, waslet sal-finali u kklassifikat fis-seba’ post.
Erba’ xhur wara, Krista tirritorna b’verżjoni aktar intima u emozzjonali tal-istess kanzunetta. Unheard (Acoustic) kienet pproduċuta minn Cyprian Cassar ġewwa Somnio Studios u tinkludi rikording ġdid tal-vuċi, maħsub apposta għal dan l-arranġament. Il-vidjo uffiċjali, miġbud minn Kurt Cauchi fl-istess studios, juri b’mod sempliċi u sinċier is-sensittività wara din il-ħarġa l-ġdida.
Meta mistoqsija dwar din il-verżjoni, Krista qalet: “Unheard dejjem kienet kanzunetta personali għalija. Imma wara li interpretajtha fuq il-palk enormi tal-Malta Eurovision, indunajt kemm nies verament ħassew kull kelma li kantajt. Għaldaqstant, xtaqt intihielhom lura fil-forma l-aktar pura tagħha, permezz ta’ emozzjoni kbira.”
Minn wara l-parteċipazzjoni tagħha fil-Malta Eurovision Song Contest, Krista kompliet tissaħħaħ fix-xena mużikali lokali. Fil-ġimgħat li ġejjin, se tkun qed tirrapreżenta lil Malta fil-OGAE Fan Vision 2025 u se tipparteċipa wkoll fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza b’kanzunetta oriġinali li pproduċiet hi stess, Xejn M’Għadu L-Istess.
Unheard (Acoustic) issa hija disponibbli fuq il-pjattaformi kollha ewlenin.