Sunday, December 22, 2024

Kristian Schembri – Kompożitur żagħżugħ b’ispirazzjonijiet mużikali qawwija

Jikteb Peter Paul Ciantar

Aqra wkoll

Emmnuni ħbieb, meta nara żagħżugħ (jew żagħżugħa) miexi sewwa fil-mużika, mimli enerġija u ma jaqta’ qalbu minn xejn, infur bl-entużjażmu u nipprova ngħinu mill-aħjar li nista’.

Fost iż-żgħażagħ Maltin li llum qabdu sewwa l-karriera mużikali b’mod professjonali nixtieq nintroduċi liż-żagħżugħ Kristian Schembri mir-Rabat. Nafu żgħir ħafna jistudja l-vjolin għand it-tifla tiegħi Gabriella (illum miżżewġa bit-tfal), idoqq il-percussion ma’ baned Maltin, nafu jdoqq mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fit-taqsima tal-perkussjoni u nafu wkoll jistudja l-mużika fid-Dipartiment tal-Mużika fl-Università ta’ Malta.

L-ewwel tagħlim u influwenza mużikali ħadhom mingħand missieru, Philip Schembri, u għal numru ta’ snin studja l-perkussjoni ma’ John Farrugia (eks-lead drummer tal-Forzi Armati ta’ Malta) .

Niftakru sewwa meta darba Kristian ġie fuqi u qalli, “Peter, beħsiebni mmur l-Amerika nistudja l-mużika.” Jiena pront pront għedtlu li jekk trid taqbad il-karriera tal-mużika b’mod professjonali, lil hemm trid tħares…

Illum ngħidilkom li Kristian Schembri huwa kompożitur, perkussjonist u direttur tal-orkestra. Il-mużika tiegħu ndaqqet mill-Orkestri fosthom il-Malta Philarmonic Orchestra, il-Cleveland Chamber Symhphony u l-orkestra sinfonika tal-Università ta’ Delaware. Ismu deher ukoll fil-Festival Symphonic Middle East, fil-Victoria International Arts Festival u fl-American Viola Society Festival … u dan ngħidilkom ħbieb … għadu l-bidu.

Il-bidu ta’ Kristian barra minn xtutna

Kristian Schembri beda mill-Università ta’ Delaware f’Awwissu 2019. Wara ggradwa fil-kompożizzjoni bl-ogħla unuri. Kristian mill-ewwel iddistingwa ruħu u fi ftit żmien rebaħ il-kompetizzjoni tal-Kompożizzjoni tal-Orkestra Sinfonika tal-UD u dan kien ukoll fis-sena 2019 bl-opus sinfoniku tiegħu ‘Íthos’. Fil-fatt dan ix-xogħol ġie rrekordjat professjonalment fuq il-label ‘Ablaze records’ mill-Orkestra Filarmonika ta’ Brno tar-Repubblika Ċeka taħt id-direzzjoni ta’ Mikel Toms (Ingliż).

Schembri rebaħ it-tieni post fil-Premju Amerikan għall-eżekuzzjoni ta’ mużika da camera b’mużika tiegħu stess, flimkien ma’ martu Aiveen Gallagher, vjolista Irlandiza u professur tal-korda ġewwa James Madison University, Virginia. Huwa segwa wkoll studji tad-direzzjoni, kemm orkestrali kif ukoll tal-banda sinfonika. Fil-fatt, huwa nħatar assistent direttur tal-Orkestra Sinfonika tal-UD (Università ta’ Delaware) fis-sena 2020, u dan l-aħħar huwa segwa studji tad-direzzjoni tal-orkestra ma’ Daniel Reith – Assistent Direttur tal-Cleveland Orchestra.

Fil-qasam tant għal qalbu l-percussion, Kristian segwa studji ma’ Marc Damoulakis, Prim Perkussjonista tal-Cleveland Orchestra, kif ukoll mal-perkussjonisti rinomati Gene Koshinski u Tim Broscious. Huwa kien ukoll membru tal-grupp tal-perkussjonisti ggradwati fl-Università ta’ Delaware u serva bħala perkussjonista prinċipali tal-UD and Ensemble, Philadelphia.

Kristian Schembri serva bħala għalliem fid-Dipartiment tat-Teorija fl-Università ta’ Delaware u ġewwa Case Western Reserve University, fejn kien responsabbli mit-tagħlim tal-korsijiet ‘Fundamentals of Music’ u ‘Music Theory’

L-opra ‘Last Days’

Irrid ngħidilkom ukoll li eżatt qabel il-gradwazzjoni tal-Masters, huwa kkompona u kiteb il-librett għall-mikro-opra soċjo-politika tiegħu ‘Last Days’. Din l-opra ttellgħet f’concert version’ f’April, 2021, f’Delaware, u sena wara segwiet il-produzzjoni drammatika kompluta.

Il-kompożitur żagħżugħ Malti ġie mistieden ukoll biex isir membru tas-soċjetà nazzjonali Amerikana tal-unuri għall-mużika. L-għan tas-soċjetà huwa li tirrikonoxxi u tinkoraġġixxi lil dawk l-individwi bl-ogħla livell ta’ kisba mużikali u boroż ta’ studju akkademiċi.

Fil-fatt, Kristian Schembri ġie offrut borża ta’ studju (Donald Erb Scholarship and Carl G. Lamp Memorial Award) għal studji dottorali fil-kompożizzjoni mill-konservatorju prestiġjuż Amerikan Cleveland Institute of Music (CIM), imwaqqaf fl-1920 mill-kompożitur magħruf Ernest Bloch. Bħalissa, Schembri huwa bħala għalliem tal-kompożizzjoni fi ħdan il-konservatorju, fejn ser ikun jagħlaq ukoll l-istudji tiegħu fix-xhur li ġejjin.

Sadanittant, Kristian baqa’ okkupat b’ħafna proġetti, fosthom il-kollaborazzjoni ma’ martu Aiveen Gallagher (vjolista rebbieħa ta’ diversi kompetizzjonijiet internazzjonali). Fil-fatt, il-kompożizzjoni tiegħu għall-vjola u l-orkestra tal-korda, ‘Echoes of Shenandoah’ ġiet interpretata minn martu Gallagher u dan fil-Konferenza tal-Assoċjazzjoni tal-Għalliema tal-korda ġewwa Virginia tal-2021.

Matul iż-żmien tiegħu fl-Amerika, Schembri kellu opportunità jistudja ma’ diversi professuri tal-kompożizzjoni minn Yale University, The Juilliard School u L-Iskola tal-Mużika ta’ Manhattan, fost l-oħrajn. Dan l-aħħar , Schembri ġie magħżul ukoll biex jipparteċipa f’kors speċjalizzat mal-kompożitur leġġendarju Sir James MacMillan.

Il-kompożitur Malti Kristian Schembri ngħata ukoll il-Premju Joseph Vella 2021. Flimkien mal-proġetti preżenti, huwa għandu l-għan li jagħti kontribut lejn ix-xena mużikali Maltija li hi tant għal qalbu, partikolarment fil-qasam orkestrali, bandistiku, teatrali u sagru.

Huwa jesprimi gratitudni lejn il-familja tiegħu għall-appoġġ kontinwu tagħhom, lil Malta Arts Scholarships għall-borża ta’ studju dottorali, lil Fondazzjoni BOV Joseph Calleja u l-Fondazzjoni Janatha Stubbs.

Minn qalbna nawgurawlu .

Ekonomija

Sport