Sunday, December 22, 2024

L-Isvediż Kristoffer Olsson qed ibati minn emboli żgħar tad-demm f’moħħu

Aqra wkoll

Il-midfielder tal-Isvezja, Kristoffer Olsson, qed isofri minn diversi emboli tad-demm żgħar fuq iż-żewġ naħat ta’ moħħu, qal il-club tiegħu, Midtjylland.

Il-club Daniż żied li l-kundizzjoni tal-player ta’ 28 sena kienet “riżultat ta’ kundizzjoni infjammatorja estre­mament rari fil-vini tal-moħħ”.

Olsson tpoġġa fuq ventilatur fl-isptar fl-20 ta’ Frar wara li ntilef minn sensih id-dar.

Midtjylland qalu li l-eks player ta’ Arsenal kien f’kundizzjoni stabbli.

“Id-dijanjosi taqbel mat-teżi li fuqha l-ispeċjalisti mediċi s’issa ħadmu u kkuraw lil Kristoffer,” qalet stqar­rija ta’ Midtjylland.

“Il-kundizzjoni ta’ Kristoffer Olsson issa hija meqjusa bħala waħda stabbli u t-tobba qed ikomplu jaraw xi progress. Fl-istess ħin, iħossu li l-livell ta’ koxjenza ta’ Kristoffer qed jiżdied.

“Fil-perjodu li ġej, it-tobba se jip­pruvaw joħorġu bil-mod lill-midfielder Svediż barra mill-ventilatur. Iżda huwa jibqa’ fil-kura intensiva u għadu mhux possibbli li tgħid xejn dwar il-qafas ta’ żmien tat-trattament u l-pronjosi finali.”

Olsson daħal mill-akkademja taż-żgħażagħ ta’ Arsenal u għamel dehra waħda għall-Gunners qabel ma ngħaqad ma’ Midtjylland b’mod permanenti f’nofs l-istaġun tal-Premier League 2014-15.

Huwa għamel 47 dehra għall-Isvezja u kellu wkoll perjodi fit-team Svediż, AIK, Krasnodar fir-Russja u Anderlecht fil-Belġju bejn żewġ stadji ma’ Midtjylland.

Ekonomija

Sport