Thursday, April 18, 2024

“Kritika se ssib… għandek tieħu dawn is-suġġerimenti kostruttivi”

- il-kantanta Gaia Cauchi

Aqra wkoll

Gaia Cauchi twieldet fid-19 ta’ Novembru 2002 u llum il-ġurnata għandha 20 sena. Hi kantanta u s’issa tibqa’ magħrufa bir-rebħ tal-Junior Eurovision Song Contest tas-sena 2013 bid-diska The Start.

Hi kienet saret ukoll l-ewwel kantanta Maltija li rebħet il-Junior Eurovision Song Contest u l-ewwel persuna fil-pajjiż li rebħet kompetizzjoni organizzata mill-EBU.

L-ewwel esperjenza veru ta’ Gaia fix-xena internazzjonali kien fis-sena 2011 meta ta’ disa’ snin ħadet sehem fil-programm popolari Taljan bl-isem ta’ Ti Lascio una Canzone. Hi kienet interpretat id-diska famuża ta’ Tina Turner bl-isem ta’ Proud Mary bl-udjenza preżenti li għajtet “bellissimo!” tant kemm baqgħet mistagħġba bil-kapaċitajiet tagħha.

Fit-2 ta’ Diċembru 2013, Gaia ngħatat ix-xirka Ġieh ir-Repubblika wara s-suċċess li kellha fil-Junior Eurovision Song Contest.

Hi dehret ukoll fil-Eurovision Song Contest 2014 fl-intervall bħala r-rebbieħa tal-festival taż-żgħażagħ.

L-opportunitajiet għaliha bdew jiżdiedu hekk kif fl-2018 hi kellha prova fil-15-il edizzjoni ta’ The X Factor fejn ġiet iġġudikata minn ħadd ħlief Robbie Williams.
Fl-2018 il-kantanta żagħżugħa Maltija ħarġet bid-diska Why Should I u dan l-aħħar kienet nominata għal tliet awards fil-Malta Music Awards.
Dan il-ġurnal tkellem ma’ Gaia Cauchi dwar diversi temi rigward il-karriera tagħha.

Iżda kif bdiet il-karriera tagħha?
“Bdejt żgħira ħafna. Kont għadni fil-Kindergarten u waqt rappreżentazzjoni li kien hemm fuq il-palk il-kap tal-iskola nnutat kemm jien kont kunfidenti. Hi mal-ewwel kellmet lil ommi u ssuġġeriet li forsi nibda mmur ftit kant u żfin.”

“Minn hemm bdiet l-avventura tiegħi fuq il-palk. Kelli ftit kant, żfin u anke immudellar iżda fl-aħħar mill-aħħar għażilt il-kant. Ommi u missieri dejjem irsistewli u ma nistax ma nroddilhomx ħajr għax kieku mhux qiegħda hawn nagħmel din l-intervista miegħek!”

Gaia Cauchi tkellmet dwar l-esperjenza fil-Junior Eurovision Song Contest li rebħet fis-sena 2013. Hi tiftakar dan l-avveniment b’sodisfazzjon fejn tikber kemm tikber tibqa’ ġġorru miegħek. Hi qalet li bkiet ħafna bil-ferħ hekk kif f’eta’ daqshekk żgħira rnexxielha tasal daqshekk ‘il fuq.

Meta mistoqsija jekk titħajjarx tipparteċipa fil-Malta Eurovision Song Contest, hi ma qalitx le għalkemm ma xtaqitx tagħti data definittiva meta tagħmel dan.
Gaia taħdem kompletament bil-mużika u bl-użu tal-media soċjali u tista’ tgħid li taħdem qatigħ sabiex jirnexxielha tkompli żżid il-livell tagħha.
 
Iżda x’inhi l-opinjoni tal-poplu Malti lejn il-kantant lokali?
“B’xorti ħażina, il-kantant lokali mhux dejjem jiġi apprezzat. Meta jiġi xi kantant jew grupp barrani, arana mmorru warajh u xi kultant nitolbuh il-firma wkoll. Iżda meta jiġi għal wieħed Malti, ġieli ntuh bis-sieq speċjalment meta jkun ħareġ xi diska u r-radjijiet litteralment jaqilgħulek qalbek sabiex idoqquhielek. Jien ma narahiex sew din il-ħaġa. Aħna għandna bżonn is-sapport u nkunu aktar apprezzati.”

Gaia għadha kemm ħarġet tliet diski tajbin waħda ma’ Owen Leuellen bl-isem ta’ Flavour, oħra waħedha bl-isem ta’ UnLove u oħra waħedha wkoll bl-isem ta’ 11:11 li ħarġitha fil-11 ta’ Novembru li għadda. Hi spjegat id-dinamika ta’ dawn iż-żewġ diski.

“Id-diska Flavour hi waħda li għoġbitni ħafna. Nistqarr li hu ferm faċli taħdem ma’ Owen Llewelyn minħabba li apparti li hu bravu tħossok komda tkanta miegħu. Hu kittieb tal-mużika li jħallik bla kliem speċjalment għax malajr jikteb kanzunetta.”

“UnLove me hi diska miktuba fil-Fillandja fejn ħdimt ma’ produttur mill-istess pajjiż. Titratta meta jkollok ħabib li jarak aktar minn sempliċi ħbiberija iżda jkun irid xi ħaġa iktar. Jien għalhekk ridt inwassal messaġġ biex ma jħobbnix b’dak il-mod iżda b’mod differenti.”

Gaia qalet li tixtieq tkompli l-karriera tagħha barra minn Malta. Dan il-ħsieb ilu jberren sew ġo moħħha iżda kif tgħid hi stess mhux xi ħaġa faċli. Hi sostniet li wieħed irid jikkunsidra l-kwalità tal-ħajja li se tkun qed tgħix fiha speċjalment mil-lat finanzjarju u għalhekk hi tippreferi tistenna sabiex tkun aħjar f’dan ir-rigward.

X’se jkun il-futur ta’ Gaia Cauchi?
“Żgur mhux forsi, in-nies u s-segwaċi tiegħi għandhom jistennew aktar materjal min-naħa tiegħi matul din is-sena. Se nkun qed inżid dejjem aktar l-esperjenzi tiegħi b’iktar mużika, ritratti u kontenut ġdid. Se nkun qed noħroġ iktar diski matul din is-sena li se jkunu singles.”

Finalment tlabna lill-kantanta żagħżugħa twassal messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-kant.

“L-ewwelnett ġieli ġew drabi fejn inkun se naqta’ qalbi speċjalment meta mhux dejjem l-affarijiet jiġu kif suppost. Madankollu bdejt nirraġuna li dak li tagħmel, qed tagħmlu għalik mhux għan-nies. Se ssib min jikkritikak ġustament u int għandek tieħu dawn is-suġġerimenti kostruttivi.”

“Minkejja kollox, int għandek taqdef u tirsisti sabiex dejjem tieħu s-sodisfazzjon mixtieq. Jekk għandek ħolma aqbad u wettaqha għax inkella jaf jiddispjaċik wara li ma tkunx għamiltha.”

Ekonomija

Sport