Thursday, December 26, 2024

KRIŻI UMANITARJA FL-UKRAJNA

Aqra wkoll

L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, wasset għal katastrofi sħiħa f’żoni sħaħ fl-Ukrajna. Rajna bliet kbar jiġu bbumbardjati. Żoni residenżjali kienu attakki b’residenti jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Familji spiċċaw mifrudin. L-irġiel jibqgħu fl-Ukrajna waqt li n-nisa, tfal u anzjani ħarġu mill-pajjiż. Tfal jivvjaġġaw waħidhom għax ommijiethom ma jistgħux jitilqu mill-Ukrajna minħabba ix-xogħol tagħhom.

M’għandna ebda dubju li l-invażjoni Russa ordnata mill-President Russu Vladimir Putin ħolqot waħda mill-akbar kriżijiet umanitarji fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn. Kien hemm gwerrer oħrajn fl-Ewropa, imma żgur li dawn ma ħolqux il-kriżi umanitarja kif inħolqot b’din l-invażjoni. 

Il-mistoqsija li toħroġ hi ċara. Kemm telqu mill-Ukrajna lejn pajjiżi ġirien? Ir-risposta għal din tingħata minn Nazzjonijiet Uniti li minn informazzjoni li ħarġu iddikjaraw li xejn inqas minn żewġ miljun persuna ħarġu mill-Ukrajna waqt li hemm madwar 160,000 persuna oħra li telqu minn fejn kienu jgħixu u marru f’postijiet oħra fl-Ukrajna stess.   

L-ammont ta’ refuġjati li ħarġu hu wieħed kbir, imma hu previst li dan se jiżdied ferm u ferm iżjed. Fil-fatt hu previst li l-ammont ta’ refuġjati li jitilqu mill-Ukrajna jista’ jitla’ anke sa seba’ miljun persuna. 

Kuntrarjament għal kif ġara fil-każ tal-pandemija tal-Covid19, rajna Unjoni Ewropea li rrispondiet b’mod malajr ħafna għal din il-kriżi umanitarja. 

Nistqarru bla tlaqlieq li l-mod kif irrispondiet l-Unjoni Ewropea uriet l-aktar turija ta’ mobilizazzjoni biex tgħin f’din il-kriżi umanitarja. Wieħed irid iżomm f’moħħu li għandna l-Polonja li waslu għandha madwar 1.6 miljun persuna mill-Ukrajna. F’dan il-pajjiż ġiet stabbilità akkomodazzjoni temporanja, saru reception centres u l-isptarijiet laqgħu għandhom persuni li kellhom bżonn. Dan flimkien ma’ għajnuna ta’ ikel, mediċini u bżonnijiet oħra.

Kien pożittiv naraw pajjiżi inkluż pajjiżna li joffru l-għajnuna tagħhom biex jitħaffu l-proċeduri jew jitnaqqsu għall-Ukreni li jkunu qed ifittxu kenn. Anki li jiġu mgħejjunin b’fondi b’rabta mal-kwarantina. Kellna imbagħad pajjiżi li neħħew ċerti restrizzjonijiet biex ċittadini Ukreni jidħlu fil-pajjiż, waqt li pajjiż bħar-Repubbika Ċeka neħħa r-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid19 għar-refuġjati Ukreni. 

Kienet pożittiva immens li fuq livell ta’ Unjoni Ewropea, ġie approvat pjan biex tiġi attivata dik li tissejjaħ id-direttiva ta’ protezzjoni temporanja, liġi li qatt ma kienet użata qabel. Din prattikament se tkun qed tagħti permess lil ċittadini Ukreni biex jidħlu f’pajjiżi Ewropej għal tlett snin mingħajr i-bżonn li japplikaw għall-ażil. 

Nemmnu li f’dan il-każ l-Unjoni Ewropea aġixxiet malajr u kif mistenni. Hi ħasra li fejn jidħlu ir-refuġjati Afrikani, l-Unjoni Ewropea qed tibqa’ taġixxi b’mod totalment differenti. Ma’ dawn in-nies, li qed jaħarbu sitwazzjonijiet diffiċli u perseguzzjonijiet f’pajjiżhom, l-Unjoni Ewropea għadha qed timxi bil-politika tal-bini ta’ ħitan fuq il-fruntieri. Dan biex dawn il-persuni, iddisprati biex jibdew ħajja ġdida, jinżammu l-bogħod minn territorji Ewropej.

Ekonomija

Sport