Thursday, November 7, 2024

“Kruċjali aktar riżultati malajr għall-Covid-19 fl-ajruport” – Il-PM Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn Claudio Coleiro

Waqt li reġa’ ddikjara li l-għeluq tal-ajruport mhijiex soluzzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza li huwa kruċjali li jkollna sistema ta’ testijiet għall-Covid-19 li r-riżultat tagħhom joħroġ malajr u li jiżdiedu n-numru ta’ testijiet li jsiru fuq persuni li jiġu Malta u ma jkollhomx ċertifikat negattiv. 

Dr Abela stqarr dan f’laqgħa li kellu mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) fil-Berġa ta’ Kastilja bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni bi tħejjija għall-Baġit għas-sena d-dieħla. 

Il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza li dak li qed niddeċiedu dwaru llum, ikun sostenibbli kemm f’terminu qasir, medium term u jekk hemm bżonn long term. Qal li biex ngħaddu minn din il-fażi tal-pandemija b’suċċess il-Gvern irid ikompli jaġġorna l-miżuri u jżid l-infurzar. 

“Nifhem li ħadd ma jieħu pjaċir bl-infurzar imma huwa kruċjali. Qed nagħmlu infurzar tajjeb imma se jkun hemm bżonn ta’ aktar infurzar. Dan ifisser li b’infurzar miżjud se jsarraf biex inħallu s-setturi miftuħin,” tenna l-Prim Ministru li rrimarka wkoll li huwa kruċjali li wieħed jilbes il-maskra idealment kullimkien. 

Dr Abela temm jappella biex kulħadd ikun responsabbli ħalli b’hekk inkomplu bir-ritmu tajjeb li qbadna. “Pajjiżi oħrajn qegħdin magħluqin f’lockdowns jew f’lockdown parzjali. Aħna rnexxielna nżommu r-rota ekonomika u l-ħajja għaddejja. L-importanti huwa li l-poplu jibqa’ jkun responsabbli.”

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra filwaqt li rrikonoxxa li bħalissa għandna sfidi kbar quddiemna minħabba l-pandemija, qal li jekk nibqgħu naħdmu flimkien dawn l-isfidi m’għandniex għalxiex ma nerbħuhomx. 

“Nafu li t-triq twila iżda bl-għajnuna tal-Gvern u bil-koperazzjoni ta’ kulħadd nistgħu noħorġu minn din il-kriżi mondjali li għandna, b’mod partikolari fis-settur tal-ospitalità, u nkunu aktar b’saħħitna,” tenna s-Sur Zahra. 

Sport