Hu fatt li l-industrija tal-ospitalità f’pajjiżna irkuprat sew wara sentejn ta’ pandemija. Illum qegħdin naraw ammonti qawwija ta’ wasliet ta’ turisti. L-infieq tjieb ukoll. Ma’ dawn imbagħad trid iżżid il-fattur domestiku li kompla għen biex din l-industrija tant fraġli, tirkupra fi żmien qasir.
Waqt li rajna dan l-irkupru, li hu xi ħaġa pożittiva ħafna, għandna sitwazzjoni fejn qed jinħass li ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur m’humiex imħarrġin biżżejjed jew għandhom bżonn li anke jitgħallmu l-bażiku. Fis-sentejn ta’ pandemija rajna ammont ta’ ħaddiema li kienu jservu f’pajjiżna, li ħafna minnhom kienu ilhom hawn u kienu ingħataw taħriġ, jitilqu minn pajjiżna biex imorru lura lejn pajjiżhom. Hekk kif il-pajjiż reġa’ beda jiftaħ bil-mod il-mod, inġabu ħaddiema oħrajn. Minħabba s-sitwazzjoni delikata kif kienet u n-negozji kellhom bżonn joperaw fi żmien qasir, dawn il-ħaddiema ftit li xejn ingħataw taħriġ.
Dan wassal biex illum hawn postijiet li joffru servizzi lit-turisti, li għandhom ħaddiema mhux imħarrġin. Fost il-problemi hemm dik ta’ kommunikazzjoni. Din hi problema li tista’ twassal biex turist jew klijent jispiċċa b’togħma morra. Problema li twassal biex titfa’ dell ikrah fuq il-prodott turistiku għal dak it-turist partikolari li jesperjenza nuqqas ta’ kommunikazzjoni jew li jkollu esperjenza xejn pjaċevoli minħabba ħaddiema mhux imħarrġin.
L-ilmenti dwar problemi simili huma kontinwi u kostanti. Kien hemm tħassib li seta’ jkun hemm iniżjattiva li tagħti taħriġ b’mod ġeneriku f’korsijiet standard għal kulħadd l-istess. Hu fatt li mhux kulħadd għandu bżonn l-istess tip ta’ taħriġ. Kien pożittiv immens li tnediet ħidma mill-iskola tat-Taħriġ tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), li permezz tagħha impjegati fis-settur turistiku u tal-ospitalità bdew ingħataw it-taħriġ, liema taħriġ hu maħdum u bbażat skont il-bżonn ta’ dak il-ħaddiem partikolari.
Din hi pożittiva ħafna. Il-ħaddiema ma tpoġġewx f’xi istituzzjoni u kulħadd ingħata t-taħriġ li kien tfassal. It-taħriġ li llum qed jitfassal u qed jingħata, isir skont il-bżonn u nuqqas li għandu l-ħaddiem partikolari. Jekk għandu bżonn itejjeb il-livell tal-lingwa Ingliża jingħata taħriġ f’dak il-qasam. Jekk hemm bżonn jitgħallem itejjeb il-manjieri u l-attitudni tiegħu mal-klijenti, it-taħriġ ikun f’dawn l-oqsma.
Il-ħidma li bdiet fl-aħħar ġimgħat għandna naraw il-frott tagħha fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Diġa kien hemm xejn minn 500 ħaddiem li ingħataw xi forma ta’ taħriġ. Ovvjament forsi jippretendi li aktar siden ta ‘postijiet tax-xogħol jersqu ‘lquddiem biex il-ħaddiema tagħhom jitħarrġu.
Hi sfortuna li fis-soċjetà tagħna għadek issib minn jirreżisti jew juri passività lejn inizjattivi bħal dawn għat-taħriġ. Dawn iridu jifhmu li ħaddiema aktar imħarrġin ifisser li l-klijenti tiegħu se jkollhom aktar esperjenza pożittiva. Dawn minnunfih hu reklam pożittiv għall-istess negozju jew intrapriża. Ma’ hemmx x’wieħed jibża’ minn inizjattivi simili. Dawn huma inizjattiva li minnhom se jgawdi ukoll dak il-post tax-xogħol.
Forsi hemm min qed jaħseb li dan hu xi kors ġeneriku u għalhekk jarawh ħela ta’ ħin. Xejn minn dan. Parti mis-suċċess ta’ dan it-taħriġ, hu għal fatt li mhux jiġu offruti biss korsijiet lesti, imma wkoll korsijiet li nibnuhom mal-klijenti.
Fl-Iskola tat-Taħriġ żviluppajna metodoloġija interessanti ħafna li biha nibnu l-korsijiet mal-klijenti tagħna skont il-bżonnijiet li għandhom huma u l-impjiegati tagħhoma. Il-flessibilità hija ċentrali fil-ħidma operattiva tal-ITS. Saħansitra jgħidu lis-sid fejn irid li jsir il-kors, jiġifieri jekk hux ġo l-ITS jew inkella imorru għandu u imbagħad jagħżel hu skont il-kumdità u l-esiġenzi tiegħu. Anke l-ħinijiet jaraw liema huma l-aktar ħinijiet komdi għall-klijent.
Nemmnu li fid-dinja ta’ llum, li qed tinbidel b’ritmi mgħaġġel ħafna, it-taħriġ tal-ħaddiema hu kruċjali. Illum il-kompetizzjoni hi kbira. L-enfasi fuq il-prodott u t-titjib kontinwu tiegħu huma meqjusin bħala pedina importanti għas-suċċess. Nemmnu li l-prodott turistiku li qed noffru jrid jagħmel qabża fil-kwalità. Dan jista’ jista jsir biss bit-taħriġ.