Tuesday, May 14, 2024

Ħatja li ffalsifikaw dokumenti biex jieħdu l-benefiċċju allokat għall-persuni b’diżabilità severa

Aqra wkoll

David Grech ta’ 33 sena minn Ħaż-Żebbuġ u Mary Anne Azzopardi ta’ 57 sena minn San Ġwann ingħata sentenza ta’ 13-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn. Huma wkoll tpoġġew taħt ordni ta’ probation għal l-istess perjodu.

Ir-raġel u l-mara huma tnejn minn 17-il persuna li kienu nvoltui f’każ fejn iffalsifikaw dokumenti biex jieħdu l-benefiċċju allokat għall-persuni b’diżabilità severa. Huma nstabu ħatja għax dak il-benefiċċju ma kinux intitolati għalih.

Andy Rotin u George Cremona li kienu fil-Qorti jixhdu f’isem id-dipartiment tal-Income Support & Compliance Division qalu li huma bdew investigazzjoni fuq il-persuni msemmija u oħrajn wara li kienu rċivew applikazzjoni għall-benefiċċju tad-diżabbiltà Severa, f’dan il-każ tal-epilessija.

Mill-investigazzjonijiet beda joħroġ ċar li d-dokumenti kollha ppreżentati kienu mbagħbsa u foloz. L-ewwel indikazzjoni ċara kienet li minn ibati minn epilessija ma jistax isuq jew ikollu liċenza tas-sewqan, iżda l-imputati kellhom liċenzja tas-sewqan valida.

George Cremona xehed li dawn iż-żewġ persuni kienu għadhom ma bdew igawdu mill-benefiċċji minħabba li l-applikazzjoni tagħhom twaqfet sakemm intemmu l-investikazzjoni.

Min-naħa tiegħu Dr Anthony Galea Debono xehed li huwa kien Konsulent fin-Newroloġija fl-Isptar Mater Dei. Galea Debono taħt ġurament qal li d-dokumenti u ċertifikati murija fil-Qorti ma kinux miktubin jew iffirmani minnu. Hu sostna li il-kaligrafija mhix tiegħu u t-timbru li jidher fuq id-dokument mhux tiegħu lanqas.

Qal ukoll li l-imputati mhux pazjenti tiegħu u qatt ma kien rahom qabel ma ltaqa’ magħhom dakinhar tax-xhieda fil-Qorti.

L-imputati ammettew għal akkużi miġjuba kontrihom u anke minħabba l-provi li tressqu l-Maġistrat Gabriella Vella sabithom ħatja tal-akkużi li nġibu kontrihom.

Sport