Saturday, July 20, 2024

Kruċjali li Malta tibni ekonomija diġitali- Il-Ministru Silvio Schembri

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Huwa importanti ħafna li Malta tibni ekonomija diġitali li mhux biss tkun innovattiva imma wkoll responsabbli u inklussiva. Għaldaqstant il-mixja ‘l quddiem ta’ pajjiżna trid tindirizza kwistjonijiet relatati mal-privatezza tad-data, is-sigurtà ċibernetika u l-implikazzjonijiet etiċi tal-intelliġenza artifiċjali.

Iddikjara dan il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri meta lbieraħ kien qed jindirizza l-ewwel edizzjoni ta’ “Digital Malta” – konferenza li trattat temi diversi fosthom l-AI u elementi oħra diġitali u teknoloġiċi li qed iħallu impatt fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. 

Il-Ministru Schembri beda biex qal li Malta dejjem uriet li kienet nazzjon ta’ reżiljenza, adattabilità u innovazzjoni. Sostna li l-post strateġiku ta’ pajjiżna flimkien ma’ qafas regolatorju robust u ħiliet ta’ livell għoli tal-ħaddiema komplew jippożizzjonaw lil Malta bħala attur ewlieni fl-ekonomija globali. 

Madankollu, huwa nsista li biex inkomplu nżommu u ntejbu din il-pożizzjoni jeħtieġ li nħaddnu r-rivoluzzjoni diġitali. Hawn semma kif din il-konferenza qiegħda tipprovdi pjattaforma importanti biex dan isir, fejn il-preżenza ta’ kelliema barranin iżżid l-għarfien tagħna dwar l-ekonomija diġitali. 

“L-ekonomija diġitali hija dwar in-nies. Li tagħti aktar saħħa lill-ħaddiema, l-imprendituri jkunu mgħammra aħjar għall-futur filwaqt li ttejjeb il-ħajja taċ-ċittadini. L-avvanz fl-AI u t-tagħlim fir-robotika qed jiftħu toroq ġodda f’dik li hija effiċjenza u l-produttività,” kompla jgħid il-Ministru Schembri.

Huwa tkellem ukoll dwar l-ekonomija l-ħadra fejn qal li din għandha tiggwidana għal tkabbir li jkun wieħed sostenibbli filwaqt li tiżgura li dak il-progress ma jseħħx għad-detriment tal-ambjent ta’ madwarna. 

Temm jgħid li din il-konferenza hi opportunità oħra biex naqsmu l-fehmiet tagħna flimkien u nuru kemm tassew aħna miftuħa għal ideat ġodda. “Flimkien nistgħu nibnu futur diġitali li minnu jibbenefika kulħadd,” temm jgħid il-Ministru Schembri. 

“Id-dinja diġitali parti essenzjali minn ħajjitna” – Omar Vella

Fil-bidu tal-konferenza tkellem il-President tal-Istitut Malti tal-Maniġment (MIM) Omar Vella li stqarr li d-dinja diġitali saret parti essenzjali minn ħajjitna. “Hi dik li qiegħda ssawwar il-futur tat-teknoloġija filwaqt li għamlet u qiegħda tagħmel rivoluzzjoni kbira f’diversi industriji.” 

Huwa qal li t-trasformazzjoni diġitali qed tbiddel kontinwament il-mod kif naħsbu, naġixxu, ninteraġixxu ma’ xulxin u anke l-mod kif ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u anke fuq il-postijiet tax-xogħol. 

Is-Sur Vella nnota wkoll ir-riżultati inkoraġġanti li qed tikseb Malta fil-qasam diġitali u dan minnu nnifsu jirrifletti l-istrateġija ċara li għandu l-Gvern għal dan is-settur. Saħaq li f’din it-tellieqa diġitali li ninsabu fiha, Malta tista’ sserraħ fuq nazzjon li l-ħin kollu wera l-ħila tiegħu li jkun dinamiku u li jadatta għall-bidla. 

“B’dan f’moħħna, Malta se tkompli għaddejja bil-vjaġġ diġitali tagħha sabiex tistabbilixxi ruħha bħala ċentru ta’ eċċellenza fid-dinja diġitali,” temm jgħid il-President tal-MIM.

Fost kelliema oħra li indirizzaw din il-konferenza kien hemm Sanchit Juneja, Direttur tal-Prodott tal-pjattaforma Booking.com, Peter Oakes minn FintechMalta.com u FintechUK.com, u Saleem Qureshi minn Lincoln Method. Kien hemm panels differenti li trattaw suġġetti varji relatati mat-tema tal-konferenza.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport