Monday, December 23, 2024

“Ksibna l-aqwa pożizzjoni ta’ kull żmien”

Karl Izzo - coach nazzjonali tal-waterpolo

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti tal-waterpolo mmexxi minn Karl Izzo għadu  kemm temm l-impenji tiegħu fil-Kampjonat Ewropew tal-LEN. Il-players Maltin irnexxielhom jikklassifikaw fl-14-il post u dan kien tragward storiku aktar u aktar meta rnexxielhom jirbħu l-ewwel logħba tagħhom f’Kampjonat Ewropew sal-ħin regolamentari u mhux wara l-għoti tal-penalties.

Talk.mt tkellem ma’ Karl Izzo dwar dawn il-jiem ferm impenjattivi għall-grupp tat-tim nazzjonali, it-turnament innifsu u r-riżultat storiku li nkiseb

“Nibda billi ngħid li ninsab kuntent u onorat bil-wirjiet tal-players tiegħi.”

“Urejna tul it-tournament kollu li kellna l-aqwa Kampjonat Ewropew li seta’ kellna. Il-players li sejjaħt lagħbu b’qalbhom u  b’dedikazzjoni liema bħalha. Żgur li ma kienx faċli li jseħħ dan minħabba li ħafna minnhom kienu għadħhom ġejjin minn kampjonat stressanti.”

Izzo lmenta dwar il-fatt li ftit kien hemm ċans sabiex issir il-preparazzjoni meħtieġa speċjalment it-transizzjoni qasira li kien hemm bejn tmiem il-kampjonat u l-vjaġġ lejn il-Kroazja.

“Nista’ ngħidlek li dawn id-dati kienu ferm viċin xulxin. Il-kampjonat Malti tal-waterpolo spiċċa fis-17 t’Awwissu u bdejna l-ewwel sessjonijiet ta’ taħriġ jumejn wara. Fis-27 t’Awwissu morna l-Kroazja u jumejn wara lgħabna kontra l-istess avversarji.”

Karl Izzo qalilna li kien hemm timijiet li bdew it-tħejjija tagħhom għal dawn il-kampjonati Ewropej minn tliet xhur qabel b’sessjonijiet ta’ taħriġ intensivi u kontinwi. Hu qal li kien  hemm nuqqas ta’ logħob mill-plejers tiegħu fejn dan kollu kien evidenti lejn l-aħħar tal-logħbiet meta bdiet tinħass l-għejja.

Malta telgħet fi Grupp B flimkien mal-Kroazja, is-Serbja u Franza. Dawn it-tliet avversarji kienu ferm b’saħħithom għat-tim Malti iżda meta l-players lagħbu kontra s-Slovenja, Malta ħarġet rebbieħa u aċċertat ruħha minn post mal-aqwa 14 tal-Ewropa.

Huwa qal li minkejja n-nuqqas ta’ erba’ plejers fundamentali bħal Jerome Gabaretta, Jake Muscat, Steve Camilleri u Jordan Camilleri, iż-żgħażagħ li ħadulhom posthom verament marru tajjeb u fissirhom bħala l-futur tat-tim nazzjonali Malti. Fil-fatt ħafna mill-plejers li l-kowċ nazzjonali għażel kienu ġejjin miċ-champions San Ġiljan u t-tim li spiċċa fit-tieni post Neptunes.

Izzo kompla billi analizza ftit il-ħames logħbiet li Malta lagħbet tul dan il-kampjonat Ewropew.

“Bdejna bil-logħba diffiċli kontra l-Kroazja fejn nafu l-livell għoli li għandhom apparti li kienu qed jilagħbu quddeiem il-pubbliku tagħhom. L-arena kienet mimlija spettaturi li ġew jagħtu s-sapport lit-tim Kroat. Konna qed nistennew partita diffiċli speċjalment il-bidu li ma tantx kien daqshekk faċli.”

“Kontra l-Greċja, l-affarijiet ma tantx bdew tajjeb. Dawn tal-aħħar kienu għadhom kemm ġew dro kontra Franza u għalhekk riedu marġni ta’ skor kbir sabiex iżommu t-tamiet tagħhom ħajjin. Fil-fatt qlajna 25 gowl kontra s-sitt gowls li skorjajna aħna. Kellna wkoll l-agħar sessjoni ta’ dan it-turnament meta konna tlifna 8-1. Konna qed nistennew din id-disfatta sfortuntament għax il-Griegi nafu li huma tim tajjeb ħafna. “

“Kontra Franza ukoll kienet logħba diffiċli minħabba li anke huma kellhom it-tir li jiskorjaw ħafna gowls. Madankollu rajt ir-rabja fil-players tiegħi li riedu jmorru ferm aħjar mill-ewwel żewġ ħarġiet kontra l-Kroazja u l-Greċja. Fil-fatt konna magħhom għal ħafna mil-logħba u dejjem konna gowl minn taħt. Madankollu wara xi ċansijiet mitlufa u xi żbalji ħaduna fl-aħħar sessjoni u tlifna l-partita.”

Karl Izzo qal li tant kemm kien diffiċli dan il-grupp li tlieta minn dawn it-timijiet għaddew għal mal-aħħar tmienja tal-Ewropa.

Waslet ir-raba’ logħba tat-team Malti, din id-darba kontra s-Slovenja għat-13 u l-14-il post u kien hawn fejn Izzo poġġa t-tama tiegħu f’din il-partita li wieħed seta’ jirbaħ. Il-logħba kienet missielta ħafna, bilanċjata u akkanita wkoll. Qabel il-partita, il-kowċ Malti qalilna li l-plejers kellhom tensjoni kbira bejn għax kien hemm minnhom li għalihom din kienet l-ewwel esperjenza tagħhom u bejn għax kien hemm fin-nofs riżultat storiku.

“Hawnhekk nixtieq infaħħar lill-players tiegħi li żammew dejjem mar-ritmu tal-partita, dejjem konna minn fuq għalkemm it-tliet sessjonijiet kienu missielta ferm. Madankollu l-aħħar sessjoni kienet tagħna u hawn waslet rebħa verament storika f’kampjonat Ewropew ta’ dan il-livell.”

“Finalment l-aħħar logħba tagħna kontra l-Ġermanja kienet waħda fejn xtaqna nikkonfermaw il-potenzjal tagħna u fil-fatt konna fil-logħba magħhom sal-aħħar tal-partita. Madankollu huma kienu b’saħħithom ferm fiżikament u bejn il-fatt li lgħabna numru ta’ partiti f’daqqa, il-players tiegħi ħassew xi ftit l-għejja tant li kien fl-aħħar li l-Ġermaniżi rebħulna.”

Fl-aħħar mill-aħħar Karl Izzo xtaq jirringrazzja lil dawk kollha li għenuh f’din il-missjoni Kroata speċjalment lil 14-il player li minkejja kull intoppi li setgħu nqalgħu, xorta waħda qamu għall-okkażjoni.

“Jien min-naħa tiegħi onorat li kkowċjajt lil dan it-team u din l-iskwadra li tellajt li ħafna minnha hi żagħżugħa, jawgura ħafna għall-futur tal-waterpolo Malti. Il-futur jinsab hawn u dawn iż-żgħażagħ li telgħin se jkunu qed jesperjenzaw dawn it-tip ta’ avvenimenti internazzjonali.”

Mistoqsi dwar it-titjib li l-waterpolo Malti jista’ jagħmel, Karl Izzo qal li għad fadal xi jsir għalkemm f’dawn l-aħħar snin b’dak kollu li sar, ninsabu fit-triq it-tajba.

Ekonomija

Sport