Monday, December 9, 2024

Ksur ta’ privatezza … ordnat ineħħi ċ-chats fi żmien tlett ijiem

Żvolta fil-każ taċ-chats bejn Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar pubblikati minn Mark Camilleri

Aqra wkoll

Il-każ tal-pubblikazzjoni ta’ aktar minn 200 paġna ta’ messaġġi u konversazzonijiet fuq WhatsApp bejn id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech, kellu żvolta ġdida. Dan hekk kif fl-aħħar sigħat il-Kummissarju għad-Data iddikjara b’mod mill-aktar ċar li l-pubbikazzjoni ta’ dawk il-messaġġi kisru il-privatezza tad-data. Il-Kummissarju tad-Data iddikjara b’mod mill-aktar ċar  li “interess pubbliku ma jistax ikun ridott għall-għatx tal-pubbliku għall-informazzoni fuq il-ħajja privata ta’ oħrajn jew għax-xewqa tal-udjenza għas-sensazzjoniżmu jew il-‘voyeurism’  – li wieħed joqgħod jissendika fuq il-ħajja privata ta’ individwi.

Dan il-każ imur lura għal April tas-sena li għaddiet meta Yorgen Fenech permezz tal-konsulent legali tiegħu għamel ilment mal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data kontra Mark Camilleri – li kien xandar u ppublbika il-konversazzjonijiet bil-Whatsapp. Dawn il-konvesazzjonijiet kienu ġew ippubblikati fil-21 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet. 

Yorgen Fenech fl-ilment tiegħu spjega li l-Whatsapp Chats kienu jmorru lura għas-sena 2019 u dawn kienu konversazzjonijiet bejnu u bejn Rosianne Cutajar. Jispjega li ċ-chats fihom riferenzi intimi fuq il-ħajja personali tiegħu u anke ta’ terzi u l-familji tagħhom. Qal li l-pubblikazzjoni taċ-chats wasslu għal konsegwenzi severi fuq il-persuni li ssemmew.

Hu spjega li dawn iċ-chats kienu jinsabu fuq il-mowbalj tiegħu u din l-informazzjoni  flimkien mal-mowbajl kienu ddepożitati fil-Qorti f’Novembru tas-sena 2020. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet imponiet li ma jistax ikun hemm il-pubblikazzjoni ta’ dawn iċ-chats.  Filfatt kien intqal li “ma jsir l-ebda pubblikazzjoni kemm fil-midja lokali, fuq il-midja soċjali, fil-mezzi tax-xandir, fi kwalunkwe kitba stampata kemm dattilografikament kif ukoll elettronikament tal-kontenut tal-atti u d-dokumenti li jinsabu fl-atti”.

Wara l-ilment ta’ Yorgen Fenech, fid-9 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet, il-kosnulent legali ta’ Mark Camilleri wieġeb għall-ilment u qal li l-awtur fil-kapaċità tiegħu ta’ kittieb, awtur u ġurnalist iddikjara li l-kontenut tal-WhatsApp ippubblikati kien fl-interess pubbliku. Hu qal li kien minħabba dan l-interess pubbliku li għażel li jippubblikahom.  Hu qal li kien fihom interess pubbliku għax kienu jinvolvu individwu li hu akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, negozjant prominenti fil-pajjiż u membru fil-Parlament. Mark Camilleri saħaq li bħala awtur, kittieb u ġurnalist hu kien protett taħt l-Artiklu 9 tal-Att tal-Protezzjoni tad-Data, li jistipula li informazzjoni tista’ tkun proċessata fl-interess pubbliku u minħabba id-dritt tal-libertà tal-espressjoni.

Yorgen Fenech iwieġeb għal dan  u ddikjara li minkejja l-pubblikazzjoni ta’ aktar minn 370 paġna ta’ chats, Camilleri seta’ biss jislet erba ‘punti f’attentat biex jiġġustifika dak li sar. Qal ukoll li dawn l-erba’ punti ma jissodisfawx it-test tal-interess pubbliku u dan għax kienu ġew ippubblikat fil-passat u għalhekk ma kellhom ebda valur bħala aħbar.

L-avukati ta’ Yorgen Fenech qalu li jekk l-intenzjoni ta’ Camilleri kienet veru li jinforma lin-nies, hu seta’ faċilment ippubblika dak li kien rilevanti. “L-intenzjoni primaria tiegħu kienet li jikkawża dannu emozzjonali  u fir-reputazzjoni ta’ persuna terza u tiegħu. Il-motivazzjoni primarja tiegħu fl-ippubblikar taċ-chats kienet dik li jesponi persuna terza għall-umiljazzjoni tal-pubbliku.

Fid-deċiżjoni tiegħu l-Kummissarju għad-Data stabbilixxa li l-kontenut li kien hemm fuq il-WhatsApp chats li kienu ippubblikati setgħu jitqiesu bħala li kienu komposti minn ‘data personali’.

Waqt li irrikonoxxa l-importanza għal-libertà tal-espressjoni, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data enfasizza ir-rwol kruċjali li jkunu mħarsa id-drittijiet u r-reputazzjoni ta’ persuni oħra u dan l-aktar meta l-informazzjoni tkun fuq informazzjoni personali u intima.

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data irrikonoxxa li d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali u d-dritt għal libertà tal-espressjoni huma drittijiet fundamentali. Jgħid li dawn id-drittijiet mhumiex assoluti u lanqas huma wieħed importanti aktar minn ieħor, għax dawn għandhom l-istess importanza.

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data jgħid li xi chats li kienu pubblikati jiżvelaw informazzjoni mal-ħajja sesswali ta’ Fenech. Din l-informazzjoni titqies bħala kategoriji speċjali fejn tidħol data personali. Minħabba li din hi materja sensittiva, il-liġi tipprovdi  protezzjoni għal dawn il-kategorji speċjali ta’ data personali.

Il-Kummissarju għall-Protezzjoi tad-Data sostna li hu ċar ħafna li Mark Camilleri ippubblika l-konversazzjonijiet u injora għal kollox id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali. Jgħid li l-mod kif mexa Mark Camilleri qabeż il-linja tad-dritt tal-espressjoni u interfera mal-protezzjoni tad-dritt fundamentali għal protezzjoni tal-data personali.

Il-Kummissarju jgħid li fil-prinċipju, konversazzjoni bejn żewġ persuni u li tinvolvi dettalji intimi fuq il-ħajja privata għandhom ikunu protetti b’kull mezz.  Jgħid li Camilleri jekk ried jibqa’ fidil lejn il-libertajiet ġurnalistiċi, messu ra it-370 paġna ta’ messaġġi biex identifika dawk iċ-ċhats li kien fl-interess pubbliku.

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data ordna lil Mark Camilleri biex iħassar dak ippubblikat. Hu ingħata ċans tlett ijiem biex jagħmel dan. 

Ta’ min jgħid li l-Qorti Kriminali li kienet ppreseduta mill-Imħallef Edwin Grima ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex b’mod immedjat tibda investigazzjoni dwar jekk chats bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech ittiħdux minn dokumenti li jinsabu esebiti fl-atti tal-kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali.

L-Imħallef Edwina Grima  fid-digriet tsgħha kienet qalet  li l-investigazzjoni għandha tara u tistabilixxi jekk kienx hemm xi persuna jew persuni li kisru digriet tal-Qorti tad-29 ta’ Novembru 2021, li fiha l-istess Qorti tordna u twaqqaf kull pubblikazzjoni ta’ kull tip ta’ informazzjoni fil-kaz ta’ Yorgen Fenech.

Dan kollu seħħ hekk kif Rosianne Cutajar, permezz tal-avukati tagħha Edward Gatt u Mark Vassallo talbet lill-Avukat Ġenerali biex issir investigazzjoni dwar kif chats privati ġew ippubblikati minn Mark Camilleri u jekk dan sarx bi ksur ta’ digriet ta’ Qorti.

Ekonomija

Sport