Wednesday, October 9, 2024

LIL HINN MILL-ATTITUDNI LI MA JISTA’ JSIR XEJN FEJN JIDĦLU L-PREZZIJIET

Aqra wkoll

L-aħħar stabbiltà offruta bi ftehim li laħaq il-Gvern mal-importaturi u s-sidien tas-supermarkets ġiet milqugħa mill-familji. Konxju mir-realtà ta’ żieda fil-prezzijiet tal-ikel, il-Gvern ma baqax passiv iżda aġixxa. L-attitudni li ma jista’ jagħmel xejn ma kinitx it-triq li ħa l-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela u dik fissret li għall-familji nkisbet stabbiltà oħra li qajla kien hemm min jaħseb li tista’ tinkiseb. Stabbiltà li japprezzaha kulħadd, mhux inqas dawk l-aktar vulnerabbli u dawk li bħal din il-gazzetta jħaddnu l-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. Mill-bidu ta’ Frar li ġej ħaġa hi garantita, li prodotti essenzjali li familja tixtri ta’ kull ġimgħa, se jibqgħu bi prezz stabbli għal diversi xhur.

L-istabbiltà hi prinċipju li bosta jgħożżu mhux biss għax tagħti ċertezza u serħan il-moħħ iżda tagħtik l-opportunità li tippjana għall-ġejjieni. Għalhekk il-politika ta’ stabbiltà tibqa’ l-aktar waħda mfittxija, mogħtija fiduċja u ta’ min wieħed ifaħħar. Timbru ewlieni fil-Gvern ta’ Robert Abela hija propju l-istabbiltà. Stabbiltà li tħaddnet sa mindu feġġ l-ewwel għawġ li affaċjat din l-amministrazzjoni bil-pandemija. Dakinhar kienet meħtieġa ċ-ċertezza u s-serħan il-moħħ għan-negozji u l-familji li quddiem sfida li ma kellniex manwal għaliha, ridna l-istabbiltà tal-ħobża ta’ kuljum. Ilkoll nafu x’kien ir-riżultat ta’ dik l-istabbiltà ekonomika li ta l-Gvern frott qagħda finanzjarja b’saħħitha li tagħtu ċ-ċans jimmanuvra bil-famuż war chest. 

Hekk kif id-dinja ħarġet mill-pandemija mbagħad faqqgħet gwerra fl-Ukrajna li tefgħet pressjoni fuq il-qasam tal-enerġija u anki s-settur tal-ikel. Gvern Laburista hawnhekk ukoll aġixxa b’intervent f’waqtu fejn għadu sa issa jagħti stabbiltà fil-qasam tal-enerġija. Deċiżjoni strateġika li fissret kif il-piż jerfgħu l-Gvern u lil poplu jħallih igawdi kwalità ta’ ħajja aħjar. Fuq l-għatba tal-Mediterran feġġ kunflitt ieħor, il-Lvant Nofsani u t-tensjonijiet maġenbu, fosthom fil-Baħar l-Aħmar komplew juru li l-isfidi internazzjonali għadhom xi ħaġa kostanti iżda pajjiżna għad għandu dik l-istabbiltà. Stabbiltà li tixhed kuntrast ukoll fil-politika mħaddna mill-Gvern u minn Oppożizzjoni li mhux biss ma offrietx meta kien dak mistenni minnha fil-mument li l-poplu stenniha iżda agħar minn hekk għadha temmen l-istess. 

Mhux se nirreferu biss għal mod kif Tonio Fenech tkellem din il-ġimgħa fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, fejn iddefenda d-deċiżjoni li Gvern Nazzjonalista għolla l-kontijiet tad-dawl iżda l-Oppożizzjoni llum għadha titkellem kontra s-sussidju u l-għajnuna kbira li qed tingħata favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Ċertament l-istabbiltà tinkiseb bil-fiduċja. Bi djalogu miftuħ li ċertament sar biex intlaħaq ftehim bħal dak iffirmat nhar il-Ħamis li għadda. Inizjattiva mmexxija mill-Ministeru għall-Ekonomija li tapprezza wkoll il-ħidma kbira li saret biex il-piżijiet ma jintefgħux il-poplu. 

L-għaqal u l-bonsens rebaħ. Illum għandek Gvern li qed jgħin b’miżuri ffukati fil-kwalità tal-ħajja tan-nies permezz ta’ żidiet fil-pensjonijiet, fiċ-children’s allowance, bil-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, bl-għotjiet għall-first-time buyers u l-lista tibqa’ sejra anki miżuri partikolari bħall-aħħar waħda mħabbra li biha s-servizz tal-ferry fil-Port il-Kbir u dak ta’ Marsamxett sar mingħajr ħlas bit-tallinja card. Intant fl-istess waqt kellek ir-realtà tal-familji jixtru fis-supermarkets u jaraw żidiet fil-prezzijiet u għal dan il-Gvern ma dawwarx wiċċu. Intervjena billi ġab l-istakeholders flimkien u wassal għal dan il-ftehim ta’ stabbiltà fil-prezzijiet. Ftehim li miegħu jiġu wkoll salvagwardji kontra abbużi fuq dak illeġittimu. Fuq kollox iżda huwa ftehim li jagħti stabbiltà għall-familji.

Sport