Sunday, November 24, 2024

Ktieb tal-komiks ta’ supereroj u boardgame tematika biex it-tfal jitgħallmu dwar is-separazzjoni tal-iskart

Aqra wkoll

Ktieb tal-komiks iddisinjat mill-WasteServ se jgħin biex it-tfal jitgħallmu dwar is-separazzjoni tal-iskart u kif l-istudenti jistgħu jagħmlu differenza fil-ħarsien tal-ambjent. Il-komiks jirrakkontaw l-istorja ta’ żewġ karattri – Commander Yellow u General Buzz – li jittrasformaw f’eco-warriors.

Il-komik bit-titlu ‘Let’s Join Forces’, flimkien ma’ boardgame, se jitqassmu fl-iskejjel kollha tal-Istat, tal-Knisja, u privati ​​lit-tfal mill-Year 1 sa Year 8 sabiex it-tfal jiġu mgħallma dwar l-ambjent u l-immaniġġjar tal-iskart.

Meta ppreżentaw dan il-materjal edukattiv lill-istudenti fl-Iskola St Dorothy’s, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħeġġew lill-istudenti u lill-edukaturi biex jagħmlu użu tajjeb min dan il-ktieb. Minbarra l-ktieb tal-komiks, l-istudenti ħa jirċievu wkoll oġġetti oħra li juru kif is-separazzjoni tal-iskart tista’ tkun xi ħaġa li jieħdu gost jagħmlu, filwaqt li jiġu mħeġġa jagħmlu għażliet favur l-ambjent.

Akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca, il-ministri ddiskutew mal-istudenti l-aspirazzjonijiet ambjentali tagħhom u l-importanza ta’ separazzjoni xierqa tal-iskart.

“Il-komiks joffru messaġġi sinjifikanti dwar is-separazzjoni xierqa tal-iskart filwaqt li huma attraenti viżwalment. Dawn il-komiks se jgħinu wkoll biex it-tfal ikunu jistgħu jagħmlu bidliet favur l-ambjent peress li kull storja twassal diversi messaġġi importanti dwar is-separazzjoni xierqa tal-iskart. Il-boardgame hija wkoll edukattiva ħafna u waqt li se jilagħbu, it-tfal jitgħallmu dwar l-immaniġġjar tal-iskart,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Grima faħħar din l-inizjattiva li permezz ta’ tagħlim b’mod interessanti u interattiv, se jkompli jdaħħal is-sens ta’ responsabbiltà li għandna lkoll biex inħarsu l-ambjent ta’ madwarna. “Irridu nkomplu ndaħħlu modi biex nagħmlu l-edukazzjoni li nagħtu lil uliedna attraenti. L-edukazzjoni mhix biss dik li l-istudenti jingħataw fuq il-bank tal-iskola, imma wkoll tmur lil hinn minn hekk biex inrawmu ċittadini responsabbli.” Il-Ministru Grima fakkar ukoll li din mhix l-ewwel darba li s-sinerġija bejn dawn iż-żewġ ministeri ħadmet biex tqarreb l-edukazzjoni u t-tħaris tal-ambjent flimkien.  

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca qal li dan il-ktieb tal-komiks qed jitqassam bħala parti mill-kampanja tal-WasteServ ‘Separate right, make our future bright’. “Dawn il-komiks se jgħinu lit-tfal ikunu aktar konxji dwar l-iskart li jiġġeneraw u kif dan jista’ jaffettwa l-ambjent,” żied jgħid.

Barra minn hekk, WasteServ għandha wkoll websajt apposta għat-tfal. Żur ecohive.com.mt/kids għal komiks ġodda u materjal ieħor divertenti li jiġi ppubblikat fuq bażi regolari.

Sport