Monday, May 20, 2024

L-Istati Uniti possibbilment ipprovdiet informazzjoni li wasslet biex jiġi mgħarraq il-bastiment Russu Moskva

Aqra wkoll

Rapporti li dehru fuq il-midja tal-Istati Uniti qed jgħidu li l-Amerika pprovdiet l-informazzjoni lill-armata Ukrena li wasslet biex ġie mgħarraq il-bastiment militari Russu Moskva. Skont dawn ir-rapporti, l-Ukrajna talbet lill-Istati Uniti biex tipprovdilha informazzjoni dwar bastiment li kien qiegħed ibaħħar fin-Nofsinhar ta’ Odesa u min-naħa tagħha l-Istati Uniti kienet identifikat lil dan il-bastiment bħala Moskva, u tat l-informazzjoni lill-Ukreni dwar iż-żona eżatta fejn qiegħed. Dejjem skont dawn ir-rapporti, l-Ukreni użaw din l-informazzjoni biex attakkaw lil dan il-bastiment b’żewġ missili.

Dwar dan, il-Pentagon ma ta l-ebda kumment iżda kelliemi qal li l-Istati Uniti tat intelliġenza lill-Ukrana biex tiddefendi lilha nnifisha. 

Uffiċjali anonimi li tkellmu mal-midja u ġew ikkwotati fir-rapporti msemmija iktar kmieni qalu li huma ma kinux jafu li l-Ukrajna kienet se twettaq attakk fuq il-bastiment Moskva wara li saret magħrufa l-lokalità tiegħu. 

Abbord il-bastiment navali Moskva kien hemm 510 membri tal-ekwipaġġ u dan kien fuq quddiem nett fl-offensiva Russa ġewwa l-Ukrajna. L-attakk fuq dan il-bastiment kien wieħed simboliku ħafna għall-Ukrajna u daqqa ta’ ħarta għar-Russi. 

Wara li kien sar magħruf li l-bastiment Moskva għeraq, il-Ministeru tad-Difiża Russu kien qal li l-każ seħħ kawża splużjoni ta’ munizzjon li kien hemm abbord, u spiċċa nqaleb fuq ġenb hekk kif kien qiegħed jiġi miġbud lura lejn il-port. 

Min-naħa tagħha l-Istati Uniti għadha ma indirizzatx b’mod dirett ir-rapporti dwar Moskva, iżda aktar kmieni kelliemi tal-Pentagon kien ċaħad ir-rapporti li l-Istati Uniti qiegħda tipprovdi informazzjoni dwar il-lokalità ta’ miri importanti Russi biex l-Ukreni jkunu jistgħu jeliminawhom.

Sport