Saturday, December 21, 2024

“Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja”

- Dr Lynn Chircop Faure

Aqra wkoll

Għal dawn l-aħħar għaxar snin kiber moviment li qed jaċċenna ħafna għad-dritt li wieħed igawdi u jieħu pjaċir mal-familja. Dan kollu iżda skont l-aqwa interess ta’ kull tifel u tifla li għandhom jingħataw dejjem prijorità.

L-Avukat Lynn Chircop Faure kienet qed tirrapporta dwar riċerka li għamlet hi stess dwar dan is-suġġett ferm importanti partikolarment sabiex dawn ir-riżultati jkunu magħrufa mhux biss lill-Prim Ministru Dr Robert Abela iżda wkoll lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon. Fil-fatt fil-jiem li għaddew kien hemm laqgħa pubblika dwar ir-riforma fil-Qorti tal-Familja fil-Belt Valletta.

Dan il-ġurnal tkellem mal-avukat Lynn Chircop Faure fejn spjegatilna filwaqt li tatna l-opinjoni tagħha dwar is-suġġett tal-familja, is-separazzjoni li xi kultant jgħaddu minnha l-ġenituri tat-tfal u d-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar.

F’din l-intervista hi titkellem fuq diversi temi fosthom id-drittijiet tat-tfal li jgawdu lil-ġenituri u n-nanniet tagħhom, f’dak li huwa iktar magħruf bħala l-aċċess. 

Dr Chircop Faure bdiet billi qalet li kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu, tad-dar tiegħu u tal-korrispondenza tiegħu. Dan jinkludi wkoll lit-Tfal għandhom d-Dritt għat-Tgawdija tal-Familja li huwa protett taħt l- Artikolu 8 tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea, Kap 319 tal-Liġijiet ta’ Malta.

“Għalkemm dan huwa dritt fundamentali tal-bniedem, mhux wieħed protett taħt il-Kapitolu IV tal-Kostituzzjoni ta’ Malta iżda b’liġi ordinarja. Għalhekk huwa diffiċli ferm li xi tifel jew tifla tiftaħ xi kawża kostituzzjonali sabiex id-dritt tagħhom li ma jiċċaħħdux minn xi ġenitur jew membru familjari, jkun protett u infurzat, fiż-żmien meta l-aktar għandhom bżonn. Sabiex dan id-dritt tat-tfal kollha li jgħixu Malta jkun protett, f’każ li l-ġenituri tagħhom mhux jaslu li jikkooperaw, jeħtieġ l-intervent tal-Istat.”

Dr Chircop Faure tgħid li ħafna mid-drabi meta koppja tiġi biex tiddivorzja jew tissepara, l-ewwel proċess dejjem ikun li jkun hemm medjazzjoni sabiex il-partijiet jippruvaw jirrikonċiljaw. Madankollu l-iktar problema tkun dejjem it-tfal meta dawn it-tnejn ma jaqblux speċjalment fuq kustodja, manteniment u trobbija.

“Meta tnejn ikollhom wild, huma jridu jiftakru li saru ġenituri u dan kollu jġorr ċerta responsabbilta’. Meta nsemmu familja ma nistgħux inħallu barra l-aħwa minn ġenituri oħra, lin-nanniet, kuġini u zijiet li wkoll jiffurmaw parti minn dan in-nukleu.”

“L-aktar li ovvjament jieħdu ħsieb it-tfal dejjem ikunu n-nanniet li sakemm uliedhom ikunu qed jaħdmu, jżommu lin-neputijiet. Meta jkun hemm separazzjoni, l-istess nanniet ġieli jbatu għax mhux dejjem se jkollhom l-aċċess li kien ikollhom qabel. Għalhekk anke huma jieħdu sehem fil-proċess ta’ medjazzjoni.”

Dr Lynn Chircop Faure tgħid li llum il-ġurnata qed jiżdiedu ferm is-servizzi ta’ għajnuna u dawn tqishom bħala effettivi u kruċjali sabiex ikun hemm aċċess. Hi ssemmi episodji li tfal jgħaddu minn trawma kbir meta jaraw lill-ġenituri tagħhom jisseparaw u hawn fejn ir-rapporti kollha li jikkonċernaw it-tfal għandhom jkunu milqugħa mill-imħallef wara li l-kontenut tar-rapport, bħal dak tal-avukat tat-tfal, jkun vverifikat. Kull professjonist, inkluż il-Ġudikant, għandu jerfa’ r-responsabilitá f’każ li l-impatt tad-deċiżjoni ma tkunx qed toffri lil minuri, ta’ kull eta mit-twelid sa 17 il-sena, soluzjoni li tipproteġi d-dritt fundamentali tagħhom li jkollhom kuntatt regolari u dirett maż-żewġ ġenituri. Dan skond Artikolo 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Wara kollox dak li jkunu jridu t-tfal mhux dejjem ikun fl- aħjar interess tagħhom. Għalhekk irid ikun hemm proċedura li tivalwa r-rakkomandazzjonijiet u tiżgura l-prinċipju tal-ugwaljanza sabiex l-ebda parti oħra konċernata f’dan it-tisħieħ tal-familja, ma tiġi diskriminata, fl-ebda stadju tal-proċess. Minkejja kollox, hi tgħid li din is-sistema mhux dejjem timxi kif suppost.

“Ovvjament tajjeb li wieħed jisma’ lit-tifel jew it-tifla partikolari, iżda professjonist responsabbli għandu jisma’ l-qniepen kollha. Nara sitwazzjonijiet fejn it-tfal ma jkunux iridu jaraw assolutament lil wieħed mill-ġenituri tagħhom min minħabba ħaġa u min għal oħra. Wieħed irid jara verament ir-raġuni għala dan qed jiġri għax l-istejjer ivarjaw minn familja għal oħra.”

Dr Chircop Faure tgħid li hemm ‘l hekk imsejħa Children’s House, iżda mill-informazzjoni li ħarġet nhar is-Sibt, ġie ikkonfermat li għadha mhux tintuża u li hemm bżonn li tkun effettiva għax li t-tfal jinstemgħu quddiem l-Imħallef kapaċi jagħti ħafna indikazzjonijiet li fir-rapporti ma joħorgux.  

“Fl-istess waqt meta għandna tifel jew tifla li qed tirribella, wieħed irid jara minn fejn ġejja din ir-rabja, l-għaliex ma jkunux iridu jaraw lil wieħed mill-ġenituri u nifhmu l-istampa kollha.”

“Huwa għalhekk li wieħed irid jisma’ mhux biss lill-ġenituri u n-nanniet iżda wkoll lill-istituzzjonjiet edukattivi, partikolarment l-edukaturi li jaraw lit-tfal u jafuhom sew.”

Hi ttenni wkoll li mhux biss l-avukati iżda l-professjonisti kollha li jaħdmu mat-tfal għandhom ikunu magħżula skond l-kwalifiċi u esperjenza li tikkonferma li jafu jifhmu x’għandhom bżonn it-tfal għax b’xorti ħażina hemm minnhom li mhumiex imħarrġa lanqas biex ikellmu lit-tfal b’ċertu mod.

Fil-fatt, jiġi rakkomandat li l-avukati ma jkunux portavuċi tat-tfal iżda jridu jiżnu u jagħrblu sew dak li jkun qed jingħad minnhom. Wieħed għalhekk irid jieħu stampa ħolistika ta’ dak kollu li jkun qed jiġri u għaliex it-tifel jew it-tifla qed tgħid li ma tridx tara lil wieħed mill-ġenituri. Dan kollu hu importanti għax jispjega ħafna affarijiet partikolari.

“Jien bħala avukat nkompli nisħaq ħafna fuq id-drittijiet ta’ kulħadd indaqs, u għalhekk nkompli nkun ta’ sapport għat-talbiet li qed isiru sabiex jsir mhux biss assessjar iżda wkoll investigazzjoni meta jkun hemm sitwazzjonijiet fejn t-tfal ma jkunux iridu kuntatt ma’ ġenitur minnhom. Dan għandu jservi ta’ indikazzjoni lil min qed jirraporta sabiex jidħol iktar fid-dettall tas-sitwazzjoni partikolari. M’għandux ikun hemm ġudizzju kontra dak jew kontra l-oħra għax dan il-fatt kapaċi jweġġa’. Fil-fatt din hija realt kiefra ħafna li wasslet ġenituri jwettqu reati ħorox u/jew suwiċidji. Għalhekk jien bħala avukata rrid nara li ma jkunx hemm aktar dewmien sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv dawn is-sitwazzjonijiet billi kulħadd iħoss li għandu aċċesss ugwali għall-ġustizzja”.

Fl-aħħarnett, Dr Lynn Chircop Faure qalet li tinsab sodisfatta li dak li ġie diskuss ftit tal-jiem ilu fil-laqgħa ta’ diskussjoni li saret fil-Campus tal-Universitá ġewwa l-Belt, kien ġie rrakkomandat minnha, f’isem l-ulied kollha li jgħixu Malta, f’petizzjoni li resqet quddiem il-Parlament Malti f’Novembru li għadda. Din kienet ibbażata fuq dak li bdiet il-Fondazzjoni Nanniet Malta għaxar snin ilu, u kompliet tiżviluppa f’kampanji favur t-tgawdija għall-familja, għall-kulħadd. Sentejn ilu ddedikat riċerka akkademika fuq Il-Prinċipju tal-Ugwaljanza fl-applikazzjoni tad-dritt tat-tfal li jgawdu lil familja. Eżattament wara ġew ippublikati 100 rakkomandazzjoni għal-Riforma, wara li semgħet it-talbiet ta’ diversi għaqdiet oħra ta’ ġenituri li preżentament mhux qed igawdu lil uliedhom. Dawn ngħataw minn l-Avukat Chircop Faure lill-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex ikun jaf sew is-sitwazzjoni tal-membri kollha tal-familja.

Fl-istess ħin, l-għan tal-Petizzjoni Nr.29 kienet li tagħti vuċi lit-tfal kollha li fil-preżent mhux igawdu minn ċertezza u protezzjoni legali tad-drittijiet fundamentali tagħhom, partikolarment f’każijiet fejn il-ġenituri tagħhom stess mhux qed iħarsu primarjament l-interess tagħhom. Chircop Faure tgħid li din ir-Riforma trid tiġi estiża barra mill-Qrati għaliex it-tfal imċaħda mill-ġenituri m’humiex biss dawk li qegħdin jinstemgħu mill-Qrati. Għalhekk, huwa kruċjali sabiex verament ikun hemm ġustizzja ugwali għal kulħadd u li tilħaq lil kulħadd irrispettivament mid-differenzi kollha li jkun hemm Riforma li tiżgura it-tisħiħ tal-familji għal aktar ġenituri responsabbli.

Ekonomija

Sport