Saturday, November 23, 2024

“Kulħadd għandu dritt jistrajkja imma mhux għas-skapitu tas-saħħa u d-dinjità tal-anzjani” – il-Kummissarju għall-Anzjani, Dr Mary Vella

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għall-Anzjani, Dr Mary Vella, irreaġixxiet għal azzjoni industrijali mit-tobba u qalet li kulħadd għandu dritt jistrajkja imma mhux għas-skapitu tas-saħħa u d-dinjità tal-anzjani.”

Hi qalet li “bħala l-Kummissarju għall-Anzjani u bħala tabiba nixtieq nagħmilha ċara li għandi rispett kbir, kemm lejn it-tobba, kemm lejn l-infermiera kif ukoll lejn kull min b’xi mod jew ieħor jaħdem mal-pazjent u mal-batut. Bħala tabiba nifhem u nagħder it-tbatijiet li għaddew minnhom sħabi t-tobba, l-infermiera u l-paramedici fejn kellhom u għadhom jagħmlu sagrifiċċji kbar tul din il-pandemija. Naf li ħafna minnhom kellhom jinfirdu minn uliedhom żgħar, minn nisa tqal tagħhom, mill-ġenituri anzjani u mill-familjari vulnerabbli, dejjem sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jieħdu ħsieb u jikkuraw lill-pazjenti.”

Tenniet li “nemmen ukoll li bħala professjonisti u ħaddiema f’din il-vokazzjoni li jaħdmu mal-iżjed nies vulnerabbli u fil-bżonn, jagħmlu ħilithom u jimxu mal-wegħda li għamlu li s-saħħa u l-ġid tal-pazjent jiġi l-ewwel u qabel kollox. Bħala Kummissarju għall-Anzjani fejn ir-rwol tiegħi huwa li nipproteġi u nissalvagwardja d-drittijiet tal-anzjani, nixtieq nagħmilha ċara li nħossni kkonċernata bid-direttivi maħruġa li se jiġu fis-seħħ illum il-Ġimgħa s-7 t’Awwissu, fejn se jkunu qegħdin jiġu milquta b’mod negattiv l-anzjani u l-iżjed nies vulnerabbli, jiġifieri dawk li huma l-aktar fil-bżonn.”

Qalet li “nafu l-kumplikazzjonijiet mediċi li jistgħu jinqalgħu meta tħalli persuna għal żmien twil fuq sodda mingħajr ma taħsilha jew iddawwrilha l-pożizzjoni tagħha, dejjem sakemm dawn id-dmirijiet ma jsirux minn ħaddiema oħrajn. Kulħadd għandu dritt jistrajkja, isemmi leħnu u jagħmel il-pożizzjoni tiegħu magħrufa, iżda mhux askapitu tas-saħħa u d-dinjità tal-anzjani u ta l-iżjed nies vulnerabbli. Din il-faxxa vulnerabbli tas-soċjetà għandha tiġi murija rispett u mħabba u mhux tiġi mġiegħla tgħaddi minn tbatija bla bżonn. Is-saħħa u l-ġid tal-pazjent għandhom dejjem jiġu l-ewwel u qabel kollox.”

Sport