Monday, December 23, 2024

“Kulħadd għandu jkollu aċċess għat-teknoloġija u l-internet, inkluż dawk li jinsabu fl-aktar saffi vulnerabbli tas-soċjetà jew fir-reġjuni remoti”

L-MPE Maltija tiġi appuntata bħala negozjatriċi tas-Soċjalisti Ewropej fuq ħidma diġitali importanti f’żewġ kumitati differenti

Aqra wkoll

Kulħadd għandu jkollu aċċess għat-teknoloġija u l-internet, inkluż dawk li jinsabu fl-aktar saffi vulnerabbli tas-soċjetà jew fir-reġjuni remoti jew periferali. Apparti li hu dritt diġitali importanti, għandna serjament nikkunsidraw li jidħol dritt uman għall-internet, fejn naraw li kulħadd ikollu aċċess għall-internet bl-istess mod li kulħadd ikollu aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa.

Stqarret dan il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar b’reazzjoni għall-ħatra tagħha fuq żewġ kumitati differenti sabiex twettaq ħidma favur is-settur diġitali. 

Josianne Cutajar ġiet fdata b’ħidma relatata ma’ żewġ files importanti, wieħed li se jittratta opinjoni għal Regolament dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, u ieħor li jikkonsisti fil-programm ta’ politika lejn ’l hekk imsejħa Path to the Digital Decade. Dawn il-files, li se tkun qed taħdem fuqhom wieħed fil-Kumitat tat-Trasport u l-ieħor fil-Kumitat tal-Industrija, jirrigwardjaw il-futur diġitali tagħna u tal-kontinent, fejn min ma jlaħħaqx mal-aħħar żviluppi jirriskja li jaqa’ lura.

Dr Cutajar qalet li fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali, irridu naraw li din tintuża bl-aħjar mod possibbli. Filwaqt li rridu nieħdu l-benefiċċji kollha li toffri din it-teknoloġija innovattiva, irridu naraw li titħaddem b’mod responsabbli u b’rispett lejn id-drittijiet u l-valuri Ewropej. Intant, jeħtieġ li jkollna regoli għal sitwazzjonijiet riskjużi li anke jirregolaw f’każ ta’ danni, bħal fil-każ ta’ karozza misjuqa minn sistema tal-intelliġenza artifiċjali li ttajjar lil xi ħadd, saħqet l-MPE Maltija.

“Meta nitkellmu fuq il-Path to the Digital Decade, qed nitkellmu dwar miri Ewropej fil-qasam diġitali li l-Unjoni Ewropea trid tilħaq sal-aħħar tal-2030. Dan sabiex naċċertaw il-konnettività u l-ħiliet neċessarji sabiex kulħadd ikun jista’ jutilizza bl-aħjar mod l-aħħar avvanzi tat-teknoloġija. Irid jiġi aċċertat li l-ebda persuna u l-ebda negozju ma jitħalla jaqa’ lura, u li s-sistemi pubbliċi wkoll javvanzaw fid-diġitalizzazzjoni”, qalet Josianne Cutajar.

Dr Cutajar tenniet li fost il-miri li hemm, irridu naraw li sal-2030, 80% ta’ dawk li għandhom bejn 16 u 74 sena jkollhom ħiliet diġitali bażiċi; li 75% tal-intrapriżi Ewropej jagħmlu użu mill-cloud computing, big data, u intelliġenza artifiċjali; u li 90% tan-negozji żgħar u medji jkunu laħqu livell bażiku ta’ intensità diġitali.

Intant l-MPE Cutajar ipparteċipat ukoll f’dibattitu (The importance of connectivity during and after COVID-19 crisis) mas-sit rinomat Euractiv dwar l-importanza tal-konnettività diġitali u l-miri Ewropej li jridu jassiguraw li verament nilħqu lil kulħadd.

Ekonomija

Sport