Sunday, December 22, 2024

KULĦADD JIXTIEQ IGAWDI L-FESTI … MELA TIXROBX U SSUQ

Aqra wkoll

Ta’ kuljum, ħafna u ħafna nies jixorbu u jsuqu mingħajr ma jikkunsidraw il-ħsara li jistgħu jikkawżaw fuqhom infushom jew nies madwarhom. Bħalissa f’daż-żminijiet ta’ festi, jiżdiedu l-festini u l-ikliet u ma jonqosx li jiżdied ix-xorb alkoħoliku wkoll. 

Iżda jekk tasal id-dar qawwi u sħiħ jew jirnexxielek ma titwaqqafx minn xi pulizija tibda tifraħ u tgħid li ġietek tajba? Mhuwiex il-każ li tifraħ li rnexxielek tasal b’xi mod jew manjiera u tifraħ li ma waqqfukx f’xi road block.

L-għażla li ssuq lura d-dar meta tkun xurban tkun qed tpoġġi mhux biss ħajtek f’riskju iżda wkoll ta’ ħaddieħor li jinzerta jkun għaddej fit-triq b’vettura jew bil-mixi.

Filwaqt li l-limitu ta’ xorb f’każ li tkun se ssuq huwa ta’ 4 units għall-irġiel – bejn wieħed u ieħor żewġ pinet birra u 3 units għan-nisa li huwa ftit aktar minn pinta birra jew tazza kbira nbid, livelli aktar baxxi ta’ alkoħol wkoll ikollhom impatt fuq il-ħila tas-sewqan tiegħek, li jfisser li l-aħjar mod biex tkun totalment sigur huwa li ma ssuqx jekk tixrob l-alkoħol. Irrispettivament minn kemm tista’ timmaniġġja il-livell tal-alkoħol f’ġismek, il-fatt hu li jekk issuq bl-alkoħol fis-sistema tiegħek, inti f’riskju akbar li tikkawża inċident, korriment, u anke mewt.

L-alkoħol għandu effett sostanzjali fuq l-għażliet u l-koordinazzjoni, il-ħin ta’ reazzjoni, il-konċentrazzjoni u l-vista ta’ persuna, li kull waħda minnhom hija pjuttost importanti meta tkun qed issuq vettura. L-effett tal-alkoħol fuq dawn il-ħiliet ipoġġi lilek u lil oħrajn fil-periklu li tiġri xi ħaġa ħażina.

Kif ċertament ġieli smajtu, l-alkoħol għandu rwol kbir fit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-alkoħol jista’ jfixkel l-għażliet tiegħek sal-punt li inti tieħu deċiżjonijiet ħżiena li kieku probabbilment ma kontx tieħu, u jiddispjaċik l-għada filgħodu jew x’ħin jgħaddilek.

Per eżempju, meta tkun fis-sakra minflok ma tagħżel li tirkeb ma’ xi ħadd jew isuq xi ħadd minflokok, jew tikri taxi, tibqa’ tagħżel xorta waħda li ssuq inti. Din hija għażla riskjuża li tpoġġi lilek u lil ħaddieħor f’periklu, kemm u fuq kollox fiżikament iżda wkoll li titwaqqaf u tiġi penalizzat.

Meta tkun fis-sakra tkun aktar suxxettibbli għad-distrazzjonijiet filwaqt li tkun qed issuq. Hemm ċans ikbar li tagħżel li tipprova tibgħat xi messaġġi jew tara xi ħaġa fuq it-telefon ċellulari tiegħek aktar milli tiffoka fuq it-triq.

Anke ftit alkoħol jista’ jinfluwenza l-għażliet u l-konċentrazzjoni tiegħek. Trid tibqa’ fil-karreġġjata tiegħek, timmaniġġja l-veloċità tiegħek, tagħti l-ispazju u l-attenzjoni xierqa lill-karozzi oħra fit-triq, u tobdi s-sinjali tat-traffiku. L-alkoħol iżid b’mod sinjifikanti ċ-ċansijiet li jkollok inċident hekk kif ikollok nuqqas ta’ attenzjoni.

Trid tkun kapaċi tikkalkula d-distanza meħtieġa biex tieqaf fil-ħin, jew biex tagħmel dawra mingħajr ma tolqot xejn. Trid tkun kapaċi tipprevedi u tirreaġixxi għall-problemi li jistgħu jinqalgħu fit-triq, bħal li ssib triq magħluqa jew xi tiswijiet għaddejin fit-triq. Meta tkun konċentrat se tkun attent u konxju tal-kundizzjonijiet ta’ madwarek. L-alkoħol se jfixkel dawn il-ħiliet.

Meta inti jkollok l-alkoħol fis-sistema tiegħek ġismek se jirreaġixxi aktar bil-mod għal ċerti sitwazzjonijiet u b’hekk iżid il-probabbiltà ta’ inċident għax ma tkunx tista’ tirrispondi malajr għal xi ħaġa li sseħħ f’daqqa. Pereżempju, jekk xi ħadd jieqaf quddiemek jew jaqsamlek, se jkun hemm ċans li taħbat jew ittajru minflok ma tibbrejkja u tevita inċident. Moħħ taħt l-influwenza tal-alkoħol jieħu aktar żmien biex jipproċessa s-sitwazzjoni u jirreaġixxi. 

Kulħadd jixtieq igawdi l-festi tal-Milied. Ħadd ma jixtieq iweġġa’ u lanqas iweġġa’ lil ħaddieħor kawża’ ta’ inċident. Mela moħħkom hemm!

Ekonomija

Sport