Saturday, November 23, 2024

“Kulħadd qed jiġġieled battalja jew oħra… ħadd m’għandu jaqta’ qalbu”

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Ġenituri ta’ tifla ċkejkna jappellaw għall-għajnuna biex binthom b’kundizzjoni rari tkun tista’ tkompli tingħata t-terapija li għandha bżonn

Kate hi tifla li għad għandha biss sena u sitt xhur. Għal bosta xhur, il-ġenituri tagħha ma kinux jafu li tbati mis-syndrome ta’ Tatton-Brown-Rahman. Hi kellha tiddaħħal l-isptar meta kellha biss sitt ġimgħat biex sarulha diversi testijiet u minn dak iż-żmien baqgħet ikollha tmur l-isptar għal diversi raġunijiet. 

Din il-marda ġenetika tikkawża li jikber iżżejjed il-ġisem, li jkun hemm żieda fil-piż u li l-persuni affettwati jkollhom ċirkonferenza akbar ta’ rashom. Barra hekk, twassal ukoll għal diżabilità intellettwali u xi karatteristiċi f’wiċċhom.

Jidher li Kate għandha mutazzjoni ta’ din is-sydrome mill-kumplament u li ma tantx raw bħalha f’nies oħra. Għalhekk qegħdin isirulha diversi studji biex issir aktar riċerka dwarha. Fil-fatt, il-ġenituri tagħha Charmaine u Daniel qalu ma’ inewsmalta li qegħdin jistennew xi riżultati biex ikunu jistgħu joħduha l-Amerika. 

Barra hekk, semmew li f’Settembru tas-sena li għaddiet ħadu lil binthom f’Gosh Londra u mbagħad fi Frar li għadda għamlulha kirurġija b’qalbha miftuħa fl-istess sptar. Kellhom ukoll imorru f’April li għadda, iżda minħabba l-COVID-19 kellhom jikkanċellaw l-appuntament u għalhekk issa għadhom qed jistennew biex isegwu l-każ.

Il-ġenituri stqarrew li huma persistenti u nemmnu li hu importanti li jkomplu b’mod kontinwu fit-terapiji li tieħu binthom. Jemmnu li hekk biss tista’ timxi ‘l quddiem. Dwar dawn it-terapiji spjegawlna li tagħmel diversi minnhom kuljum peress li jgħinuha ttejjeb il-muskoli u anke l-ħiliet tagħha. Il-ġenituri diġà rċevew xi flus bħala għajnuna iżda t-terapiji jiswew ħafna flus u għalhekk ma jistgħux jieqfu jħallsulha. 

Għalhekk il-ġenituri ta’ Kate qed jappellaw biex min jista’ jagħtihom daqqa t’id, kemm billi jagħti appoġġ emottiv, finanzjarju u anke f’talb. 

Min jista’ jgħin finanzjarjament jista’ jibgħat id-donazzjoni permezz tal-BOV Mobile Banking jew b’Revolut fuq 79051866 / 79536969. Min ma jistax jgħin finanzjarjament, hu mitlub li jgħin billi jitlob għal Kate u għall-ġenituri tagħha. Huma jemmnu li hawn ħafna nies li qed jiġġieldu xi battalja jew oħra, u filwaqt li ta’ wħud hi akbar minn ta’ oħrajn, ħadd m’għandu qatt jaqta’ qalbu, iżda jkompli jaħdem, jemmen u jitlob.

Sport