Sunday, December 22, 2024

“Kull deċiżjoni u pass li ħadt dejjem kienu fl-interess tan-nies li nirrappreżenta”

Aqra wkoll

Bħal-lum ġimgħa Malta tkun taf min huma d-deputati parlamentari eletti li se jmexxu fit-18-il leġislatura. Waqt li insabu fl-aħħar jiem ta’ kampanja elettorali, tkellimna mad-Deputat Laburista Jean Claude Micallef li se jikkontesta fuq it-3 u l-5 distrett. Jean Claude Micallef wara li rrappreżenta t-3 Distrett f’din l-aħħar leġislatura, għall-ewwel darba qed jikkontesta l-5 distrett u f’din l-intervista, bħalma nafuh ma jdurx mal-lewża biex jagħtina r-raġuni il-għaliex poġġa ismu fuq id-distrett taż-Żurrieq u Birżebbuġa flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela. 

Irrid nara Partit Laburista li jirbaħ ir-raba’ siġġu fil-ħames distrett

“Irrid nara l-Partit Laburista jirbaħ ir-raba’ siġġu fuq il-5 distrett. Ma’ Robert Abela imxejt kull pass qribu u b’mandat b’saħħtu nkun nista nservi aktar mill-qrib kif jixtieq hu b’appoġġ sħiħ mill-poplu. Kien meħtieġ li jkollna kandidatura b’saħħitha fejn l-elettorat ikollhom għażla ta’ kandidati friski. Ir-rabta tiegħi mal-irħula tal-ħames distrett u l-fatt li bosta kaċċaturi u nassaba xtaqu persuna żagħżugħa imma wkoll b’esperjenza biex nimxu l-futur flimkien, wassalna npoġġi ismi ma’ tim formidabbli ta’ kandidati.”

Tul din il-leġislatura rajnik f’battibekki mal-Oppożizzjoni, rajnik b’diskorsi li jqanqlu u anke pożizzjonijiet kontroversjali fejn qatt ma qatt lura titkellem anke fejn ma taqbilx ma stands tal-Gvern tiegħek stess. In-nies temmen li tapprezzak jew twarbek? 

Kull min jafni sew, jaf li jien persuna li nisma, nevalwa u niddeċiedi. Kif niddeċiedi nerfa’ kull responsabilità u nimxi ‘l quddiem. Kull deċiżjoni u pass li ħadt dejjem kienu fl-interess tan-nies li nirrappreżenta. Min ġej minn Marsaskala, Marsaxlokk, Ħal Għaxaq u ż-Żejtun nemmen li japprezza li mill-backbench kont fost l-aktar pro-attivi u membru parlamentari effettiv. Urejt bl-aktar mod ċar fiex nemmen u għandi ferm iktar enerġija biex intejjeb il-mentalità għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Jekk id-distretti li nirrappreżenta jridu pupazz mela m’għandhomx jagħżluni imma jekk iridu mutur politiku, nkun kuntent li japprezzawni. 

Jidher ċar ir-rapport sabiħ bejnek u Robert Abela u ma’ bosta membri parlamentari. Din l-għaqda hi għal żmien il-kampanja elettorali biss? 

Ma’ Robert imxejt pass pass il-kampanja biex laħaq Prim Ministru. Fl-istess jum li ħa l-ġurament ta’ mexxej ta’ pajjiżna jien ħadt il-ġurament bħala Membru Parlamentari għat-3 distrett. F’din il-leġislatura wrejt xi nsarraf. Sħabi l-Parlamentari jafu li fil-mumenti diffiċli se jsibuni sod u preparat. Għandna rapport sabiħ bejnietna mibni fuq kompetenza, rispett u track record ta’ kredibbiltà. Kull ma nagħmel nagħmlu bi stil u kuntent nara li ħafna minn sħabi d-deputati japprezzaw. Normalment waqt kampanja elettorali jkun hemm kemxejn ta’ tensjoni bejn il-kandidati. Fil-każ tiegħi, kullħadd jaf fejn hu miegħi. Fejn meħtieġ nidħol fin-nar għal min ġenwinament jirrispettani. 

Din il-kampanja elettorali tispikka l-għajta li l-Prim Ministru jrid tim żagħżugħ madwaru. Ma tħossx li l-anzjani qed jitwarrbu? 

B’vot lill-Partit Laburista, l-anzjani jafu li għandhom serħan il-moħħ b’ żidiet fil-pensjonijiet, aktar mediċini u kura b’xejn, emfasi fuq spazzji miftuħ għat-tgawdija t’ambjent aħjar u inċentivi fejn jidħol trasport pubbliku u stabbilita fuq kirjiet. Altru milli jitwarrbu l-anzjani. 

Il-Prim Ministru jrid tim frisk biex l-elf proposta jiġu mplimentati b’enerġija. Dan se jkun ukoll l-ewwel mandat bl-ikbar timbru żagħżugħ fl-istorja ta’ pajjiżna. Kif urejt fl-ewwel esperjenza parlamentari tiegħi, żagħżugħ mhux qiegħed hemm biex tgħidlu x’jagħmel imma biex jagħżel hu l-futur tiegħu u jimxi b’deċiżjonijiet li kapaċi jieħu llum. Wara kollox iż-żgħażagħ huwa l-eqreb tal-futur. 

Jekk hemm lokal li ħriġt għonqok għalih f’din il-leġislatura kien żgur Marsaskala. Tara li Gvern Laburista se jimxi ‘l quddiem fuq agenda mbuttata minnek? 

Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela wera biċ-ċar li mhux biss jisma’ lin-nies imma jiddeċiedi fl-aħjar interess tan-nies. Sta għal kull votant li jivvota lil min hu l-aħjar vuċi f’ ismu. Fil-każ tal-votanti minn Marsaskala ma kienx hemm il-każ tal-marina imma sensiela ta’ istanzi fejn kont hemm għalihom. Kull poplu nemmen li jieħu l-gvern li jixraqlu. 

Jidher ċar li l-kaċċaturi u n-nassaba jappoġġjak bi sħiħ. Ma jfissirx li dan itelfek 

voti ta’ min ma jħobbx il-kaċċa? 

Li tkun tolleranti u tifhem stili ta’ ħajja differenti jagħmel għażla ideali biex tirrapreżenta l-ħtiġijiet tan-nies waqt li tifhem aspetti oħra tas-soċjetà li taf m’għandekx perspettiva komuni. Il-kaċċa u l-insib huma parti mill-kultura u l-għeruq li sawruna. L-edukazzjoni lejn kaċċa sostenibbli tgħin tnaqqas l-istigma li hemm. Tħobbx tikkaċċja jew le tiġi sekondarja għal tħobbx l-ambjent ta’ madwarek u kif qed tikkontribwixxi biex l-ambjent ikun sostenibbli bil-bniedem fiċ-ċentru tiegħu.

Missierek hu maħbub ħafna mid-diehearts laburisti però ħaġa tal-iskantament li bosta votanti tendenzjalment Nazzjonalisti fid-distrett, jippreferu lilek fost id-deputati. Xi jwassal għal dan? 

Sempliċi ħafna, ż-żewġ distretti li qed nikkontesta fuqhom, it-3 u l-5 rabbewni, rawmuni u jafu xi nsarraf. Politikament dejjem ġibt rispett lejn l-individwu u l-ġid li wettaqt qatt ma ddistingwejt bejn blue jew aħmar. Nemmen li l-lealtà għandha tkun dejjem reċiproka u għalhekk nirringrazzja lil min qed jagħmel ħiltu biex inkun deputat f’ismu maġenb Robert Abela. 

Għadek temmen li Adrian Delia se jkaxkar lil Beppe Fenech Adami? 

Dejjem żammejt idi fuq il-polz tal-poplu. Qatt ma tkellimt mingħajr fatti. 

Sorsi jgħidu li l-familja tal-eks Whip Nazzjonalista Mario Galea qed jappoġġjaw lilek fiż-Żejtun, minnu dan? 

Nispera li mhux huma biss.  F’din il-kampanja elettorali rajnik tispikka fuq il-midja soċjali imma ftit li xejn fuq it-TV. Kemxejn ironika meta kulħadd imdorri jarak fuq it-TV, le? Ħajti hi x-xandir però nippreferi ngħannaq lill-familji li nirrappreżenta minn djarhom milli nkun biss fuq it-TV. Politiku għażżien jirrikorri għat-TV, politiku tan-nies jagħmel bħali. 

Is-sondaġġi juri distakk sostanzjali bejn il-PN u l-PL. F’din l-aħħar ġimgħa x’jista jinbidel? 

Kollox jista jinbidel. Il-bidla tiddependi mill-vot ta’ kull persuna. Id-dritt tal-għażla jiġi lilna ċ-ċittadini darba kull ħames snin. Sta għal kull votant kemm qed jifhem sew il-bżonn li l-Prim Ministru jkollu tim frisk madwaru biex minn elf proposta nimxu lejn elf kisba għal poplu Malti u Għawdxi. 

Għandek appoġġ qawwi minn xandara tal-media Laburista, Ministri u ammont ta’ sportivi. Dan ifisser li qed taspira għal pożizzjoni fil-qasam tal-isport, xandir u kultura? 

Is-setturi li semmejtli huma dawk li kbirt fihom u kabbart ukoll lil diversi. Qalbi tħabbat li nara Maltin aktar kolti li kapaċi jagħżlu l-eċċellenza fuq il-medjokrita fl-istil ta’ ħajja li jgħixu. Id-direzzjoni jagħtiha l-Prim Ministru u jien preparat li nkompli nagħti ħilti għal futur sabiħ.  

Ma nistax ma nirrimarkax il-kampanja pożittiva li kellek u ġesti li n-nies tkellmu dwarhom f’dawn it-33 jum. Kemm taffetwa kampanja elettorali fil-voti? 

Nitkellmu mar-riżultat… 

L-għada tal-elezzjoni x’tagħmel? 

Nittama li jkolli ammont sostanzjali ta’ mistrieħ biex inkun niflaħ ningħaqad ma’ sħabi l-Counting Hall fejn ngħix  fost l-aktar mumenti mimlija emozzjoni. 

Kemm-il darba tiġi elett lil min tagħmel l-ewwel telefonata? 

Lil Prim Ministru Robert Abela biex nirringrazzjah u niċċelebra miegħu tragward ieħor flimkien. 

Fl-aħħarnett, għaliex il-Maltin u l-Għawdxin għandhom jagħżlu lil Robert Abela biex imexxi l-pajjiż fil-5 snin li ġejjin?

Dak li ksibna bħala poplu ma nistgħux nitilfuh b’kappriċċ. Robert Abela daħal għal żminijiet iebsa u wera xi jsarraf. Mexxej determinat, sod u fuq kollox b’ruħ soċjali li jgħaqqad nazzjon waqt li jmexxih lejn livelli għolja fejn jidħol opportunitajiet ta’ xogħol, stabilità ekonomika u serħan il-moħħ f’ambjent isbaħ. Il-miri li għandna huma ambizzjużi, propju għaliex kburin li aħna Maltin u nemmnu bis-sħiħ li għandna futur sabiħ.  Madwaru għandu tim iffukat u ta’ kwalità li jispikka sew ħdejn min għandu partit mifrud, konfuż u ankrat mal-passat. 

Ekonomija

Sport