Sunday, November 24, 2024

“Kull ġenitur ġdid huwa xhieda ta’ kemm ma tista’ tieqaf tbiddel qatt”

Il-PM jisħaq li minkejja kull Oppożizzjoni li seta' kien hemm il-gvern kompla bir-riformi fil-liġi tal-IVF

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Min għandu politika b’saħħitha x’joffri jitkellem il-ħin kollu dwar kif irid iġedded lil pajjiżna.  Għax iva, għamilna kemm għamilna, u ksibna kemm ksibna, xorta dan ma huwiex biżżejjed. Xorta għad hemm bżonn il-bidla… U dawn il-bidliet irridu nġibuhom flimkien fejn kulħadd għandu sehem importanti x’jilgħab.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio saħaq kif il-bidla hija riflessa fit-tmexxija ta’ dan il-gvern. Robert Abela qal ukoll li meta jkun hemm min jipprova jwassal il-messaġġ li l-politika ma tagħmilx differenza fil-ħajja tan-nies, hemm miżuri li jixhdu kemm mhux biss iwasslu għall-bidla pożittiva iżda wkoll differenza f’ħajjet in-nies.

“Kull ġenitur ġdid, huwa wkoll xhieda ta’ dak li tkellimna fil-bidu, ta’ kemm ma’ tista’ tieqaf tbiddel u ma tista’ tgħid qatt li wasalt.  Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kien hemm min jgħidli, imma issa ma wasalniex biżżejjed fil-qasam tal-IVF jew drittijiet oħra. Għaliex din l-emfasi? U r-risposta tiegħi kienet li kien hemm iktar x’nagħmlu u għalhekk ftit xhur ilu għamilna bidla importanti fil-liġijiet tal-IVF li forsi ma kellniex il-kuraġġ li nwassluha qabel f’leġiżlaturi oħra. Imma li b’determinazzjoni u bl-appoġġ tal-poplu dħalna għaliha u wettaqniha fl-ewwel ġimgħat ta’ dan il-mandat ġdid. Minkejja kull Oppożizzjoni li kien hemm. Minkejja t-tfixkil li kien hemm. U din il-bidla li persuni li kienu tilfu t-tama tathom tama ġdida u saħansitra hemm min qed jistenna li jsir ġenitur. Imma ejja ma nilludux ruħna li wasalna hawn. Din il-bidla li wettaqna rridu nibqgħu nsaħħuha anke billi fiż-żmien li ġej ninvestu f’iktar teknoloġija fl-isptarijiet tagħna, billi nimmodernizzaw u nsaħħu l-faċilitajiet u r-riżorsi.”

“Il-qalba diġitali u ambjentali. Kemm xogħol nistgħu nwettqu, kemm effiċjenza nistgħu nżidu bl-investiment fis-settur diġitali. Id-diġitalizzazzjoni, speċjalment l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali, mhux li sempliċiment indaħħlu teknoloġiji u servizzi ġodda. Id-diġitalizzazzjoni trid tfisser bidla anke fi proċessi u servizzi li ilhom magħna snin twal. Biex finalment iċ-ċittadin jinqeda aħjar… Hemm imbagħad il-qalba ambjentali li nisħaq fuqha ta’ kull ġimgħa. Ta’ kif l-iżvilupp jista’ jkun sabiħ u fl-istess ħin ambjentalment b’saħħtu. Is-settur pubbiku stess ta eżempji qawwija ta’ dan b’investiment f’binjiet carbon neutral u prattiċi ambjentali. Fis-settur privat ftaħt investimenti ta’ dan it-tip u l-entitajiet tagħna qed iżidu l-inċentivi għal min imur f’din it-triq.”

Oppożizzjoni li niżlet il-politika fl-iżjed livelli baxxi

“Dan l-aġir jirrifletti fuq l-Oppożizzjoni mhux fuq il-Gvern. Oppożizzjoni li niżlet il-politika fl-iżjed livelli baxxi. Oppożizzjoni li l-politika tagħha hija mibnija fuq l-esaġerazzjonijiet. Iva, meta ma qbilnix fuq l-immigrazzjoni, mhux biss ma ħadux il-pożizzjoni ta’ Malta, imma marru jagħmlu kwerela biex jitfgħu lili u s-suldati l-ħabs. Mossa mmexxija mil-estremisti tal-Partit.”

Dwar l-isptarijiet, il-Prim Ministru emfasizza kif ħa u se jibqa’ jieħu pożizzjoni konsistenti.

“Kont jien li għidt li wara li evalwajna kollox insistejt ma’ Steward li jridu jonoraw il-kuntratt kif inhu. Filwaqt li kien hemm kawża l-Qorti u kif jiġri f’pajjiż idettat mir-rule of law stennejna l-eżitu tagħha. Rajna wkoll li nfittxu għal dak kollu dovut lejnha. Iva, meta ġew biex jibdlu l-kuntratt smajna u ddiskutejna, għax hu obbligu tal-Gvern li jara l-options kollha quddiemu u meta qisna kollox, l-aqwa għażla fl-interess nazzjonali kienet li nkunu sodi li l-kuntratt irid jiġi onorat kif kien. Kelli ċ-ċans nispjega fid-dettall fil-Parlament dwar dan. Nispjega dwar is-servizz li ngħata u dwar kif ktibt lill-Awditur Ġenerali biex jidħol fil-fond tal-ħlasijiet li saru b’mod indipendenti biex fejn u jekk hemm xi diskrepanzi aħna dawk niġġieldu għalihom. Li rrid ngħid ukoll li l-Gvern jaġixxi fl-interess nazzjonali bogħod mill-ispin. Qegħdin sodi fil-preżentazzjonijiet li għamilna fl-appell, imma iktar minn hekk. Kif taf il-Gvern ta’ Malta diġa’ kellu suċċess f’arbitraġġ ta’ emerġenza internazzjonali quddiem l-international commerce court ix-xahar li għadda. U f’kull fora se nippreżentaw b’saħħa l-pożizzjoni u t-talbiet tagħna. Dan filwaqt li nkomplu naħdmu fuq il-pjani tagħna għall-dawn l-isptarijiet skont kif imwiegħed fil-manifest elettorali.”

Sport