Friday, November 22, 2024

“Kull għajnuna lill-ħaddiema hija importanti f’mumenti diffiċli”

- Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Irlanda daħlu ħamest ijiem leave għall-ħaddiema vittmi ta’ vjolenza domestika u dan il-kunċett ta’ dritt ta’ leave f’tali ċirkostanzi iebsa qegħdin nesplorawh biex naraw jekk għandux ikun ikkunsidrat li jiġi introdott anke lokalment. Proprju dwar dan, il-General Workers’ Union, li hija l-akbar unjin f’Malta li tiġġieled għad-drittijiet tal-ħaddiema, qalet li taqbel ma’ kull tip ta’ leave li jgħin lill-ħaddiema f’mumenti diffiċli.

“Dan għamilnih fil-passat meta proponejna leave bi ħlas għal mard speċjali, għall-persuni li jkunu fiequ mill-marda tal-kanċer iżda jkunu għadhom qegħdin imorru l-isptar u l-aktar riċenti kienet iż-żieda fil-leave urġenti u l-proposti li ressaqna għal-leave speċjali meta t-tfal ikunu ma jifilħux,” spjega Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU.  

Filwaqt li kkonferma li d-dritt ta’ leave bi ħlas għall-vittmi ta’ vjolenza domestika għandu jingħata anke f’Malta, Bugeja rribatta l-fatt li kull għajnuna lill-ħaddiema hija importanti f’mumenti diffiċli. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU saħaq li, “diġà huwa diffiċli li persuna tasal tagħmel rapport li hija jew huwa vittma ta’ vjolenza domestika. Għalhekk, huwa essenzjali li tingħata kull għajnuna. Importanti wkoll li bħala soċjetà nkunu konxji tal-vulnerabbilità tal-vittma.”

Teżisti kollaborazzjoni

Min-naħa tiegħu Josef Bugeja qal li llum il-ġurnata teżisti kollaborazzjoni bejn min iħaddem, it-trejd unjins u l-Gvern fuq il-benesseri tal-ħaddiema fejn jaħdmu flimkien fuq problemi ta’ saħħa mentali u problemi ta’ natura personali. “Nemmen li teżisti fiduċja biex is-sħab soċjali jaħdmu mal-Gvern biex issir strateġija nazzjonali li tinkludi lectures fuq il-postijiet tax-xogħol, sessjonijiet ta’ informazzjoni, kif ukoll għajnuna individwali,” kompla Bugeja.

Fil-ħidma tagħha għal għarfien u sensibilizzazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol il-GWU ttella’ diversi lectures informattivi. Hawnhekk is-Segretarju Ġenerali ta’ din l-Union speċifika li, “għalkemm ma saret l-ebda lecture speċifika dwar vjolenza domestika, ix-shop stewards tal-GWU jingħataw taħriġ biex jidentifikaw abbużi jew sfruttamenti fuq il-ħaddiema. L-istess bħalma sar taħriġ għall-uffiċjali tal-Union biex jidentifikaw persuni li jkunu qegħdin ibatu minn problemi ta’ saħħa mentali.”  

Mistoqsi jekk il-GWU għandhiex, jew hiex se jkollha sezzjoni li tieħu ħsieb ħaddiema f’każi bħal dawn Bugeja ċċara li, “hija idea żbaljata u jien kompletament kontra li l-ħaddiema jiġu klassifikati. Kull ħaddiem ikollu l-problemi tiegħu – abbuż, sfruttament eċċ. Li ħaddiem ikun klassifikat skont l-abbuż huwa żball u idea ħażina.”

Finalment, bħala GWU qatt ma kellhom każ fejn sar rapport ta’ vjolenza domestika imma, fl-eventwalità li jasal għandhom każ bħal dan, Josef Bugeja saħaq li apparti rapport lill-awtoritajiet kompetanti, il-GWU tagħmel rappreżentazzjoni lil min iħaddem biex il-ħaddiem jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa.   

Sport