Wednesday, July 24, 2024

L-akbar ħames imprendituri fid-dinja… mill-2020 ġidhom żdied b’rata ta’ $14-il miljun fis-siegħa

Ironija: Min għandu ħafna u min m’għandu xejn…

Aqra wkoll

Kif dejjem jgħidu – il-flus jagħmlu aktar flus u ma jgħidux ħażin. Dan narawh hekk kif persuna li jkollha sold sew taħt rasha jekk tinvestih tajjeb irendi aktar. Fid-dinja għandna sitwazzjoni ironika fejn is-sinjur dejjem jistagħna u l-fqir ikompli dejjem jifqar. Il-ġid dinji huwa mqassam ħażin. Ammont żgħir ħafna ta’ nies, fosthom Elon Musk b’ġid fil-biljuni ta’ Ewro, li għandhom l-akbar perċentwal ta’ ġid fid-dinja mentri, il-maġġoranza jaqilgħuha u jiekluha u oħrajn lanqas għandhom biżżejjed biex jieklu. Dan l-iżbilanċ “inġust”, inugwaljanza jew nuqqas ta’ ġustizzja soċjali jwassal biex wieħed jistaqsi, għaliex spiċċajna f’din is-sitwazzjoni? 

Hemm differenza bejn il-privat u dak statali imma huwa ta’ interess li wieħed jagħti ħarsa wkoll lejn il-but tal-mexxejja dinjin. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġustizzja soċjali hija f’idejn dawn il-politiċi. Fost id-doveri tal-politiċi hemm dik li jħarsu l-ġid komuni inkluż għixien adegwat għal kulħadd. Iżda, il-politiċi huma ħaddiema bħali u bħalek.

Li huwa “stamb” huwa l-fatt li anke fost l-istess mexxejja dinjin hemm diskrepanza kbira fis-salarji li jingħataw għall-karigi importanti li jokkupaw. Min-naħa għandek mexxej li jaqla’ xejn inqas minn $1.6 miljun fis-sena, ekwivalenti għal €1.46 miljun, mentri fuq naħa oħra għandek mexxejja ta’ pajjiżi oħra li l-paga tagħhom hija “ċiċri” meta mqabbla mal-aktar wieħed imħallas. Hawn, sorprentendement, ukoll insibu inugwaljanza. Dan biex ma nsemmux li meta s-salarji tal-mexxejja dinjin inqabluhom ma’ tal-ħaddiem regolari. Dawk il-gvernijiet li jaqilgħuha wisq tajjeb, realment ftit jistgħu jħossu l-polz tal-poplu u diffiċli li jifhmu d-diffikultajiet tal-ħaddiem b’paga “normali” fi żmien bħalma ninsabu fih ta’ inflazzjoni qawwija. 

Nibdew bl-aktar imprendituri sinjuri fid-dinja – Elon Musk, Bernard Arnault, Jeff Bezoz, Larry Ellison u Mark Zukerberg. Rapport mill-organizzazzjoni tal-karità “Oxfam” sab li mis-sena 2020, dawn il-ħamest iġriel komplew jistgħanew hekk kif irnexxielhom jirduppjaw ġidhom. Irriżulta li dawn il-ħamsa bejniethom, għandhom $869 biljun (€795) u dan l-ammont tela’ daqshekk wara li f’dawn l-aħħar erba’ snin l-assi finanzjarji tagħhom żdiedu b’rata ta’ $14-il miljun (€12.8) fis-siegħa.

Fl-istudju dwar il-ġid dinji “Oxfam” irrapporta wkoll li l-irġiel għandhom $105 triljuni (€96 triljuni) aktar f’ġid milli għandhom in-nisa; li l-pajjiżi fit-Tramuntana tad-dinja għandhom 69% tal-ġid globali; u li taxxa fuq il-ġid li għandha bħalissa fid-dinja, jista’ jiġġenera xejn inqas minn $1.8 triljuni (€1.65) kull sena.

Din l-istatistika interessanti ħarġet mir-rapport ta’ Oxfam intitolat “Inequality Inc.” fejn jingħad li minkejja din iż-żieda fil-ġid li esperjenzaw dawn il-ħames imprendituri, fl-istess perjodu ħames biljun persuna fqaru.

Illum il-ġurnata l-biljunarji żiedu l-ġid tagħhom bi $3.3 triljuni (€3 triljuni) iktar fuq dak li kellhom fl-2020 mentri, il-biljunarji jmexxu sebgħa mill-akbar 10 kumpaniji fid-dinja. Din l-organizzazzjoni tal-karità bbażata f’Londra żiedet li jekk inkomplu b’din ir-rata, fl-10 snin li ġejjin se jkollna l-ewwel triljunarju. Fl-istess ħin, però, l-istess studju jantiċipa li b’din ir-rata, il-faqar m’aħniex se neradikaw qabel jgħaddu 229 sena oħra. 

Oxfam irrapporta wkoll li bħala medja hemm bżonn li jgħaddu 476 sena biex dawn l-aktar ħamest irġiel sinjuri fid-dinja jonfqu l-flus kollha li għandhom. Dan dejjem jekk jonfqu $1 miljun (€0.92 miljun) kuljum. Fuq naħa għandna lil Musk li kieku jdum għaddej iberbaq 673 sena u fuq naħa oħra għandna lil Bezos li bl-istess ammont ta’ nfieq, ikollu bżonn 459 sena biex jeżawrixxi ġidu kollu.

Punt ieħor interessanti li ħareġ minn dan ir-rapport huwa l-fatt li l-aktar nies sinjuri fid-dinja, 1% minnhom għandhom 43% tal-assi finanzjarji globali kollha. 

Minkejja l-kriżi finanzjarja globali s-sinjuri qegħdin isiru aktar sinjuri

Il-ġid tal-akbar sinjuruni fid-dinja, b’mod speċjali Elon Musk, żied b’rata astronomika mill-2020 u dan wara li l-ishma tal-kumpanija famuża tiegħu “Tesla” sparaw ‘il fuq fis-suq. Fil-fatt, hekk kif irrapportat il-“Financial Times”, il-ġid ta’ Musk huwa ta’ ftit aktar minn $200 biljuni.

Ta’ kull sena “Oxfam” jippubblikaw rapport dwar l-inugwaljanza qabel jibda l-Forum Ekonomiku Dinji (WEF) li wkoll jittella’ darba fis-sena. Fir-rapport ta’ din l-organizzazzjoni ppubblikat din il-ġimgħa ingħad li, “f’dan il-perjodu ta’ kriżi, l-aktar nies sinjuri fid-dinja se jibqgħu l-akbar rebbieħa. Fl-2023 il-biljunarji saru aktar sinjuri fejn żiedu l-ġid tagħhom b’$3.3 triljun (34%) fuq dak li kellhom fl-2020. In-numru tal-persuni miljunarju huwa smat li se jiżdied b’44% bejn issa u l-2027 mentri, in-numru tal-persuni li l-ġid tagħhom huwa ta’ $50 miljun jew aktar, mistenni li jiżdied b’50%”.

Din ix-xejra pożittiva li qegħdin jesperjenzaw l-aktar nies sinjuri fid-dinja ma messietx lill-ħaddiema ż-żgħar u lill-aktar persuni fqar fid-dinja hekk kif l-inflazzjoni, l-impatt ekonomiku tal-bidla fil-klima u l-konflitti ġeopolitiċi kkawżawlhom diffikultajiet kbar f’ħajjithom. 

Dan ir-rapport ħareġ aktar realtajiet ħorox fosthom dik li madwar ħames biljun persuna madwar id-dinja fqaru. “Il-ġuħ u sfidi iebsa fil-ħajja ta’ kuljum huma r-realtà ta’ ħafna nies. Bir-rata preżenti, iridu jgħaddu 230 sena oħra qabel jirnexxielna neradikaw il-faqar. B’kuntrast, però, fl-10 snin li ġejjin jista’ jkun li se jkollna l-ewwel persuna li l-ġid tagħha jaqbeż it-triljun dollaru Amerikan,” ikkonkluda “Oxfam”.

Ekonomija

Sport