Wednesday, July 24, 2024

Bjorn Vassallo jilqa’ lis-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, l-Onor. Omar Farrugia

Aqra wkoll

Il-president tal-Malta FA, Bjorn Vassallo laqa’ fil-Kwartieri Ġenerali tal-MFA f’Ta’ Qali, lis-Segretarju Parlamentari għax-Xogħolijiet Pubbliċi, l-Onor. Omar Farrugia u d-delegazzjoni li attendiet miegħu. 

F’isem l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol kienu preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali, Dr Angelo Chetcuti u numru ta’ diretturi oħra responsabbli mill-faċilitajiet tal-MFA u tal-klabbs membri madwar il-pajjiż kollu. 

Waqt il-laqgħa l-President tal-MFA feraħ lill-Onor. Farrugia tal-ħatra u rringrazzjah tal-assistenza li dejjem ta lill-Assoċjazzjoni anki meta kien jokkupa rwoli oħra fl-amministrazzjoni pubblika. 

Il-President Vassallo saħaq ukoll li r-relazzjoni bejn il-partijiet għandha tkompli tiżviluppa għall-ġid tal-kommunita’u dan l-għaliex l-isport għandu rwol sinifikanti fis-saħħa soċjali. 

Fl-intervent tiegħu l-Onor. Farrugia, faħħar ix-xogħol li tagħmel l-MFA permezz tal-klabbs u l-assoċjazzjonijiet tagħha, biex tiżgura ambjent sigur u san fejn il-kommunita’ tkun tista’ taggrega biex tiltaqa’ soċjalment imma wkoll biex titħarreġ professjonalment. 

Is-Segretarju Parlamentari tenna l-impenn tiegħu u tal-Gvern li jkomplu jassistu lill-għaqdiet sportivi fil-ħidma tagħhom biex l-aspett ta’ ‘well-being’ ikompli jiżviluppa. 

Il-Malta Football Association hija l-akbar assoċjazzjoni sportiva fil-pajjiż, b’aktar minn 70 faċilita’ sportiva f’Malta u Għawdex fejn eluf ta’ membri, uffiċjali u partitarji minn żgħar sa kbar jattendu tul is-sena kollha. 

Ekonomija

Sport