Sunday, December 29, 2024

“Kull ħaddiem f’pajjiżna, ġej minn fejn ġej, għandu dritt li jkollu post tax-xogħol sigur”

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li l-Parlament kien qed jiddiskuti l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), il-Ministru għax-Xogħlijiet u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi qal li kull ħaddiem f’pajjiżna, ġej minn fejn ġej, għandu dritt li jkollu post tax-xogħol sigur.

Huwa qal li pajjiżna qed ikun dipendenti, speċjalment fil-qasam tal-kostruzzjoni, fuq numru ta’ ħaddiema barranin. Qal li għalhekk tinħass il-ħtieġa li tkompli l-ħidma li nbdiet mill-Awtorità, li titwassal l-informazzjoni, anke b’lingwi differenti, lil ħaddiem barranin li jiġu jaħdmu fostna biex ikunu konxji tar-riskji li jkun hemm u kif jistgħu jevitaw dawn il-perikli. 

“Irridu nagħmlu impenn ċar kif nindirizzaw din ir-realtà biex insaħħu l-ħidma li qed issir u nkomplu nżidu mad-diversi inizjattivi biex inkomplu nwasslu dan il-messaġġ kemm mal-ħaddiema Maltin kif ukoll mal-ħaddiema barranin li jiġu jaħdmu fostna,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Huwa kompla jgħid li l-OHSA trid tkun il-katalist dwar kif insaħħu kultura ta’ aktar saħħa u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. “Ma nistgħux inħarsu lejn dan il-qasam bħala obbligu legali biss jew kwistjoni ta’ kemm wieħed l-Awtorità tħarrek nies imma dan is-settur irridu nħarsu lejh b’mod aktar pożittiv.

“Irridu nsaħħu t-taħriġ tal-ħaddiema fis-saħħa u s-sigurtà tal-mod kif jaħdmu mingħajr ma jipperikolaw saħħithom u ħajjithom. Irridu nfissru aktar kemm hu importanti li min iħaddem jagħraf l-importanza li titħares is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Mhux biss biex ma tinkisirx il-liġi imma għaliex tali ħarsien huwa mezz kif ikollok post tax-xogħol aħjar u post tax-xogħol aktar produttiv.”

Il-Ministru żied jgħid li għal din is-sena finanzjarja tal-Awtorità qiegħed jiġi propost nefqa ta’ €1,607,040. Matul din is-sena, l-Awtorità mistennija tiġġenera ftit aktar minn €200,000. 

Huwa qal li l-Awtorità mistennija tfassal pjan ġdid li jtul tliet snin. “Se naraw li din l-Awtorità tissaħħaħ b’żieda tal-uffiċjali fi ħdanha. Dan iwassal biex inkunu nistgħu nsaħħu l-operat, il-preżenza tagħha fejn meħtieġ fuq il-postijiet tax-xogħol.”

Huwa għamel aċċenn ukoll dwar l-importanza ta’ aktar edukazzjoni, għarfien biex kulħadd jifhem aħjar, mis-sid tax-xogħol sal-ħaddiem, x’hemm bżonn isir biex nassiguraw aktar saħħa u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. 

Ekonomija

Sport