Wednesday, April 24, 2024

Kull ħaddiem jeħtieġ ikun rappreżentat… b’hekk niżguraw xogħol ta’ kwalità

IL-GWU TFAKKAR JUM IL-ĦELSIEN

Aqra wkoll

L-amministrazzjoni, is-Segretarji u Assistenti Segretarji tal-General Workers’ Union illum attendew fuq l-Għolja tal-Ħelsien fil-Birgu u poġġew fjuri f’riġlejn il-monument ftit ġranet qabel il-ġurnata li tfakkar Jum il-Ħelsien. Sinjal ta’ rikonoxximent għat-tbatija li għaddew minnha ġenerazzjoni wara oħra ta’ Maltin biex sa fl-aħħar irnexxielhom ikollhom ragħjhom f’idejhom.

“Il-preżenza tagħna hawn hekk illum mhijiex biss biex insellmu l-kisba li għamlu missirijietna meta nfatmu mill-ħakma u mir-rabta kolonjali, iżda hija wkoll b’turija ta’ sodisfazzjon u kburija li bħala General Workers’ Union lura fl-1979 konna protagonisti fil-ħidma li saret biex pajjiżna jikseb il-ħelsien minn kull ħakma,” qal is-Segretarju Ġenerali fid-diskors tiegħu f’din l-okkażjoni li dis-sena tfakkar il-45 anniversarju tal-ħelsien ta’ Malta.

Żied jgħid li l-GWU issellem il-memorja ta’ Ġorġ Agius li dakinhar tal-31 ta’ Marzu bħala Segretarju Ġenerali tal-GWU xegħel it-torċa tal-ħelsien li serviet biex iddawwal it-triq ’il quddiem. Mument storiku li kompla jsaħħaħ il-ħidma ta’ din l-akbar union f’Malta. Mument li jibqa’ jiddistingwi lill-GWU u jidentifikaha bħala l-union li sa mill-bidu tagħha kellha rabta mal-iżvilupp soċjo-politiku ta’ pajjiżna.

“Dan huwa mument ta’ riflessjoni profonda lejn il-futur li għandu jieħu n-nazzjon. Din l-okkażjoni mhux biss timmarka pass importanti fl-istorja tan-nazzjon tagħna iżda tagħtina wkoll opportunità biex nirrikonoxxu l-ħidma li wettaqna flimkien bħala nazzjon u wkoll biex flimkien infasslu pjan fejn irridu naraw is-soċjetà tagħna,” kompla jgħid Bugeja.

Huwa qal li bħala s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union iħossu kburi meta jirrifletti fuq l-isforzi bla heda u l-impenn bla waqfien tal-uffiċjali kollha ta’ din l-akbar unjin fit-tiswir tal-andament tal-progress tan-nazzjon.

“Il-General Workers’ Union hija xhieda tas-saħħa kollettiva u r-reżiljenza tal-ħaddiema Maltin, billi tappoġġja bla heda l-ħarsien tad-drittijiet u l-benessere taċ-ċittadini u l-ħaddiema kollha f’pajjiżna. Il-qofol tal-ħidma tagħna lkoll huwa li nilħqu l-aspirazzjonijiet tal-membri tagħna.”

Is-Segretarju Ġenerali stqarr li meta nfakkru dan l-akbar avveniment ta’ Malta, aħna mhux biss niċċelebraw il-kisbiet tal-passat imma wkoll inħarsu lejn il-futur b’qawwa u determinazzjoni mġedda.

“L-impenn tagħna biex nibnu soċjetà ġusta, ugwali, ħielsa, newtrali u prosperità għadu aktar sod minn qatt qabel. Nagħrfu li l-vjaġġ lejn futur aħjar, ħajja ta’ kwalità, huma mibnija fuq il-kompetenzi, ħiliet u abbiltajiet tal-ħaddiema tagħna. Ix-xogħol għandu jkun li jagħti d-dinjità bi ħlas u kundizzjonijiet xierqa, saħħa u sigurtà.”

Sostna li dan kollu jista’ jinkiseb bil-proposta mressqa mill-GWU favur leġiżlazzjoni biex kull ħaddiem ikun imsieħeb fi trejd unjin tal-għażla tiegħu. Proposta li tinkorpora t-twemmin tal-GWU, fil-qawwa tal-ħidma kollettiva u s-solidarjetà. Qal li dan huwa essenzjali hekk kif biex niżguraw xogħol ta’ kwalità, jeħtieġ niżguraw li kull ħaddiem ikollu l-opportunità li jkun rappreżentat u appoġġjat minn trejd unjin. Hekk inkunu qed insaħħu l-vuċi tal-ħaddiema u nrawmu soċjetà aktar ġusta u inklussiva.

Bugeja qal li l-għaqdiet ta’ min iħaddem għandhom l-għan li jitkellmu favur min iħaddem iżda żgur ma għandhom l-ebda dritt jew mandat li jitkellmu fuq x’jeħtieġ il-ħaddiem. Dak huwa l-għan tal-GWU. Trejd unjin li temmen li din il-proposta se tagħti vuċi lil dawk l-eluf ta’ ħaddiema bla vuċi li ta’ kuljum ibatu inġustizzja, abbużi u sfruttament fuq il-post tax-xogħol.

“Din hija kwistjoni ta’ importanza fundamentali għax titkellem fuq id-demokrazija fil-postijiet tax-xogħol tagħna u l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u solidarjetà li fuqhom hija mibnija.

“Hekk kif nirriflettu fuq il-kisbiet ta’ dawn l-aħħar 45 sena, ejjew ukoll nikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħna biex nibnu futur fejn kull ħaddiem jingħata s-setgħa, kull leħen jinstema’, u kull individwu jingħata d-dinjità u r-rispett li bi dritt jixirqilhom. Flimkien, ejjew inkomplu nistinkaw lejn Malta li mhix biss ħielsa imma wkoll ġusta, inklussiva, u prospera għal kulħadd,” temm jgħid Bugeja.
 

Sport