“Għar Lapsi saritlu ħsara kbira. Kumment li kien fuq fomm kulħadd kif inżilna wara l-maltempata Harry kien li Għar Lapsi qas għadu jintgħaraf. Kien mument emozzjonali ħafna, tant li kien hemm nies li ma setgħux jieqfu jibku kif raw x’ġara f’Għar Lapsi.
“Fi ftit żmien iddeċidejna li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jibda jipprepara biex isir l-istudju u r-riċerka meħtieġa biex tiġi riġenerata ż-żona tant għal qalb in-nies. Apparti minn hekk, ħsibna biex nagħtu spazju biex in-nies ikunu jistgħu jesprimu x-xewqat tagħhom ta’ kif jixtiequ jaraw din il-bajja titranġa.
“Għalhekk ftaħna konsultazzjoni pubblika, fejn kellna 178 sottomissjoni. Kulħadd kelma waħda… irridu naraw Lapsi kif kien… kif nafuh ta’ tfal li konna! Kumment li laqatni fil-konsultazzjoni kien, “naħdmu għall-konservazzjoni ta’ Lapsi, iktar milli riġenerazzjoni”… nikkonservaw dak li għandna, u mhux nirriġenerawh u nimmodifikawh… u għalhekk ser nippruvaw dak kollu possibbli biex nerġgħu nagħtuh lin-nies kemm jista’ jkun kif kien!”.
Iddikjara dan is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia f’kummenti ma’ L-Orizzont b’rabta max-xogħlijiet li għaddejjin f’Għar Lapsi. Huwa spjega kif qed isiru xogħlijiet ta’ trinek, kif ukoll ta’ tindif tal-materjal, peress li ma fadalx aċċess għall-bajja, kemm għan-nies kif ukoll għas-sajjieda. Apparti minn hekk, qiegħed jitqiegħed ‘cable’ ħalli tittranġa u titjieb is-sistema tal-elettriku, kif ukoll sondaġġi dettaljati tal-blat taż-żona li jasal sa fond ta’ għaxar metri, tnax-il metru, u tmintax-il metru.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia żied jispjega li bdiet il-fażi li terġa’ tinbena r-rampa li tagħti aċċess għall-bajja, dan billi r-rampa qed tibda timtela’ bil-konkos. Hekk kif titlesta din ir-rampa, il-proċess li jkun imiss huwa li l-ħaddiema jinżlu bl-inġenji żgħar fil-bajja ta’ Għar Lapsi ħalli jkomplu jinbnew mill-ġdid il-passaġġi li tkissru, jitneħħa l-konkos u l-parti tal-irdum li ċeda.
Mistoqsi jekk jarax lok li sa qabel jibda s-Sajf, jitlesta parti minn dan il-proġett li jagħmilha possibbli li tkun aċċessibbli għall-pubbliku, is-Segretarju Parlamentari Farrugia qal li: “Dik hija x-xewqa ta’ kulħadd… tan-nies, tiegħi u anke tad-dipartiment. Kull min hu involut għandu x-xewqa li nagħtu lura Għar Lapsi lin-nies. Minkejja din ix-xewqa, irridu nimxu b’kawtela biex ikun żgurat illi meta jerġa’ jinfetaħ l-aċċess, il-post ikun sigur u n-nies ikunu jistghu igawduh b’serħan il-moħħ. Aħjar ftit iżjed dewmien u serħan il-moħħ, milli x-xogħol isir bl-għaġla għad-detriment ta’ dawk li jiffrekwentaw l-akwata. Li l-post ikun sigur hi l-iżjed ħaġa importanti.”
Huwa temm jgħid li s-sentiment mill-konsultazzjoni kien li n-nies iridu jaraw Għar Lapsi sempliċi, li jerġa’ jiġi kemm jista’ jkun kif kien, “minkejja li n-nies fehmu li se jkun hemm bżonn ċertu tibdil żgħir biex jiġi żgurat illi dak li ġara minħabba l-maltempata Harry, nilqgħu kemm nifilħu għal każijiet simili fil-futur. Iżda fuq kollox, in-nies iridu jaraw li l-post ikun sigur biex tiġi mħarsa s-saħħa tagħhom u tal-għeżież tagħhom.”

