Sunday, December 22, 2024

“Kull min huwa involut fis-settur irid ikun parti mill-bidla” 

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi dwar il-liċenzjar tal-Kuntratturi

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jagħmel aġġornament fil-Parlament il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi qal li għall-ewwel darba f’pajjiżna beda jitħaddem reġim ġdid li jirregola s-settur tal-kostruzzjoni fejn jirrigwarda l-kuntratturi li jaħdmu fil-qasam tal-bini, twaqqigħ u tqattigħ. 

Huwa rrimarka li pajjiżna daħal fl-ewwel fażi ta’ din ir-riforma estensiva li qed issir biex dan is-settur jingħata qafas regolatorju aktar b’saħħtu, qafas regolatorju li verament ikun qiegħed hemm biex tiżdied ir-responsabbiltà, ikun hemm aktar serjetà u fuq kollox ikun hemm qabża fil-kwalità f’dan is-settur. 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi appella lil kull min hu involut f’dan is-settur biex ikunu parti sħiħa u ċara minn din il-bidla u jkun hemm aktar għarfien billi fejn hemm bżonn wieħed jistaqsi, jivverifika u jikkonsulta mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u ma kull min b’xi mod jew ieħor jista’ jagħti għajnuna dwar kif irid jaġġorna l-metodi tiegħu. Dan huwa fl-aħjar interess ta’ kulħadd inkluż tal-ħaddiema u l-operaturi li jaħdmu f’dan il-qasam, tenna jgħid. 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qali li n-numru ta’ applikazzjonijiet li rċeviet l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni f’dan il-proċess huwa ta’ 3,793. In-numru ta’ applikanti li daħħlu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-qasam tal-bini huwa ta’ 1,754, in-numru ta’ dawk li applikaw biex jagħmlu xogħol ta’ twaqqigħ huwa ta’ 1,233 filwaqt li n-numru ta’ applikanti li applikaw biex jagħmlu xogħol ta’ skavar huwa ta’ 806. 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi nnotta li din hija l-ewwel darba li dawn it-tliet snajja’ qegħdin fi proċess illi biex jaħdmu rridu jgħaddu minn dan il-proċess ta’ applikazzjoni u eventwali liċenzjar biex ikunu jistgħu jaħdmu. 

Huwa fakkar li l-unika liċenzja li kien hawn preżenti fil-liġi tagħna kienet il-liċenzja tal-bennej li kienet ilha magħna għal diversi snin. Filwaqt li rrikonoxxa l-importanza ta’ dan il-liċenzja huwa saħaq li mil-lum din ħadet rwol differenti minn dak li kellha qabel. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi rrimarka li l-liċenzja tal-bennej ser tibqa’ valida biex wieħed ikun jista’ tagħmel xogħol ta’ bini iżda x-xogħol tal-bini rrid ikun qiegħed jieħu responsabbiltà tiegħu dak li għandu l-liċenzja tal-kuntrattur tal-bini. 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi enfasizza li din hija bidla importanti għax l-għan kien li jiddaħħal qafas ta’ struttura fejn int għandek il-kuntrattur li jieħu xogħol li huwa responsabbli u jrid iwieġeb għall-għemil ta’ dak kollu li jsir f’dawk is-siti li tagħhom jieħu r-responsabbiltà biex jagħmel ix-xogħol. 

Huwa qal li l-impenn li jmiss wara dan il-proċess huwa illi nsaħħu l-qafas illi jassigura aktar taħriġ għan-nies li jaħdmu f’dan is-settur. Huwa sostna li dan it-taħriġ m’għandu biss jittratta s-sengħa imma wkoll huwa taħriġ dwar kif wieħed jista’ jimplimenta proġetti bl-anqas inkonvenjent possibbli. Din hija xi ħaġa li l-pubbliku qed jistenna minn dawk li joperaw f’dan is-settur. 

Ekonomija

Sport