Tuesday, December 24, 2024

Kull miżura tal-Budget se tkun xprunata lejn id-direzzjoni strateġika li rridu nieħdu l-ekonomija fiha- Il-PM Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-Budget li se jitħabbar fit-28 ta’ Ottubru, filwaqt li se jkun wieħed li jkompli jħabbar il-politika fiskali ta’ dan il-Gvern, kull miżura li se nieħdu – minbarra li tkun costed u sostenibbli – se tkun ukoll xprunata lejn id-direzzjoni strateġika li rridu nieħdu l-ekonomija ta’ pajjiżna.”

Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’intervent li għamel waqt diskussjoni li saret dalgħodu fiċ-Ċentru tal-Fondazzjoni Inspire f’Wied il-Għajn bit-tema “Ekonomija li taħdem għan-nies.”

Dr Abela stqarr li l-Budget li jmiss se jkun mill-ġdid bla taxxi ġodda, u se jkun qed jaħseb f’dawk li jinsabu f’sogru ta’ faqar.  Il-Prim Ministru qal li hawn fejn tidħol ir-ruħ soċjali tal-Partit Laburista fil-Gvern, li qed jara li t-tkabbir ekonomiku jilħaq lin-nies. 

Il-Prim Ministru kompla jgħid li d-diskussjoni tal-bieraħ b’nies ta’ fehmiet differenti, mhux politiċi, u minn oqsma varji, kienet interessanti għax minnha qed jiġu xprunati ideat u soluzzjonijiet li jindirizzaw ir-realtajiet tal-pajjiż. Semma kif l-ekonomija f’Malta qed tikber b’rata iktar minn ta’ pajjiżi oħrajn għax il-Gvern qed jadotta policies li jinċentivaw lin-nies. 

“Diskussjoni bħal din tixpruna għalfejn irridu nkomplu nfittxu s-soluzzjonijiet. Għandna waħda mill-inqas rati ta’ twelid f’dan il-pajiiż. Dik hi r-realtà… għaldaqstant waħda mill-akbar sfidi li għandu l-pajjiż hi l-bidla demografika, ta’ popolazzjoni li qed tikber fl-età imma r-rata ta’ twelid hi dik li hi.”

“Fl-istess waqt għandna suq tax-xogħol li dejjem qed jitlob għall-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema u s-soluzzjonijiet hemm huma diversi. Ma naqbilx li s-soluzzjoni tar-rata ta’ twelid baxxa hi li nimpurtaw aktar ħaddiema barranin. Bil-maqlub, għandna mmorru li ninċentivaw aktar ir-rata ta’ twelid f’pajjiżna billi nagħtu inċentivi li huma aktar immirati f’dan ir-rigward,” tenna l-Prim Ministru.

Dr Abela qal ukoll li l-ekonomija u s-soċjal qed jingħaqdu fil-Malta Vision 2050, viżjoni strateġika li tgħaqqad bosta suġġetti bħall-ambjent, l-enerġija rinnovabbli, il-policies fiskali, il-popolazzjoni, is-suq tax-xogħol, it-trasport fost setturi oħrajn. 

Temm jgħid li dan id-dokument jagħti tama ta’ fejn irridu nieħdu l-pajjiż, li minkejja l-isfidi li ġejjin mill-kuntest internazzjoni, pajjiżna dejjem ħoloq opportunitajiet u kiseb suċċess bil-politika li ħaddem biex veru jkollna ekonomija li taħdem għan-nies.

Ekonomija

Sport