Tuesday, April 30, 2024

“Kull persuna għandha d-dinjità u din irridu nistmawha minkejja l-emozzjonijiet”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar sigħat, fuq għadd ta’ siti soċjali, beda jissemma l-isem u jiġi mxandar ritratt ta’ żagħżugħ li hu suspettat li hu l-aggressur fil-każ marbut mal-qtil ta’ Paulina Dembska. Ir-ritratt ixxandar minn għadd ta’ sezzjonijiet tal-midja, (mhux mill-media tal-General Workers Union). Dan wassal biex skattaw fuq l-istess midja soċjali kummenti ma jaqtgħu xejn. Kummenti iebsin fil-konfront ta’ din il-persuna. Kummenti li ħafna drabi kienu b’mibegħda bla qies. Quddiem il-ġudizzji li bdew isiru u dak li beda jinkiteb, ma tistax ma tirriflettix. Ġudizzji u kummenti li saru waqt li din l-istess persuna qiegħda għall-osservazzjoni taħt il-kura ta’ professjonisti u qed ikun assessjat mill-psikjatri.

Talk.mt għamlet kuntatt mal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr Dennis Vella Baldacchino.  Hu qalilna li “konxju ta’ dak li għaddej. Lill-individwu ma nafux u ma nafx x’inhu. Għandek persuna li kif qed jingħad qiegħda għall-osservazzjoni u taħt osservazzjoni ta’ nies professjonali. Irridu nisimgħu minn dak li se jkunu qed jgħidu dawn il-professjonisti”.

Enfasizza li “kull konġura u kull kumment u ipotesi li ssir aħna bħala uffiċċju m’għandniex kontroll fuqhom. Hi xi ħaġa li mhix korrretta dik li qed issir. Qed niġġudikaw persuna, li hu persuna daqsi u daqsek. Kull persuna għandu id-dinjità tiegħu. Anki jekk persuna tkun qattiel u jista’ jkun hemm mard mentali u anke jekk hemm vittma jew vittmi, irridu inżommu f’moħħna li dik il-persuna hi bniedem u għandu id-drittijiet li rridu nirrispettawhom.

Tenna li “nemmen li hu kmieni biex wieħed jikkummenta u jiġġudika. Irridu nistmaw id-dinjità tal-individwu u rridu nagħmu dan minkejja l-emozzjonijiet li jista’ jkun hemm”.

Sport