Friday, April 19, 2024

Jadotta tarbija rrifjutata minn ommha u minn 20 familja għax twieldet bid-down syndrome

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Storja ta’ suċċess ta’ adozzjoni minn persuna single hija dik tat-Taljan Luca Trapanese, li b’qalb kbira ħa r-responsabbiltà tat-trobbija ta’ Alba, tifla bid-down syndrome li kienet irrifjutata kemm minn ommha naturali kif ukoll minn 20 familja oħra li riedu jadottaw.

Lura fl-2017 Luca Trapanese, raġel omosesswali single, kien adotta lil Alba meta kien għad kellha 13-il jum. Minn dak iż-żmien ‘l hawn huwa b’dedikazzjoni liema bħalha ħa ħsieb lil bintu li flimkien iqattgħu ħafna ħin jilagħbu, jieklu f’ristoranti u attivitajiet oħra normali li kull familja tagħmel. Il-missier jaqsam ħafna minn dawn il-mumenti fuq il-midja soċjali permezz tal-pjattaforma Instagram bil-għan li juri l-esperjenza sabiħa tiegħu bħala missier.

Riċentement huwa ppubblika ktieb li fih jaqsam mal-qarrejja l-avventura tiegħu tal-adozzjoni ta’ Alba. L-istorja tagħhom għandha l-għan li twassal għarfien dwar it-tipi differenti ta’ familji u biex jitneħħew kull sterjo tipi f’dan ir-rigward. Ħafna drabi huwa proċess ikkomplikat, jekk mhux impossibbli, li persuni single u omosesswali jadottaw tarbija.

Luca huwa esperjenzat fil-kura ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali grazzi għax-xogħol li kellu f’ċentri apposta. Għaldaqstant, dan ir-raġel ma qatax qalbu jadotta lil Alba u fil-fatt qiegħed jgħinha telgħeb l-isfidi tagħha bħala tifla bid-down syndrome. 

It-Taljan konvint li flimkien, huwa u Alba, jiffurmaw il-familja perfetta, ħolma li dejjem kellu minn mindu kien żgħir. Alba sabet xortiha ma’ Luca u dan juri li stejjer ta’ suċċess ta’ adozzjonijiet mhux bilfors joħorġu minn dawk “tradizzjonali”.

Sport