Sunday, November 10, 2024

“Kull prodott għandu jkollu l-prezz indikat u fejn le niżguraw li tittieħed azzjoni”

Il-Ministru għall-Inklużjoni, l-Għaqdiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli

Aqra wkoll

“Li ridt ngħid huwa li jekk xi ħadd irid ibigħ flixkun ilma żgħir bil-prezz ta’ €4 jiena bħala ċittadina ma nixtrihx minn hemm”. Iddikjarat dan Il-Ministru għall-Inklużjoni, l-Għaqdiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli b’reazzjoni għal kummenti li segwew artiklu ppubblikat aktar kmieni fuq il-midja. 

Il-Ministru spjegat ukoll li r-rwol tal-MCCAA hu li tara li kull prodott ikollu prezz ċar indikat u li fejn tinkiser din il-liġi jittieħdu passi.

Il-Ministru kompliet biex tispjega rigward miżinterpretazzjoni ta’ dak li qalet fid-diskussjoni b’rabta ma’ ċertu żidiet fil-prezzijiet. Qalet li bħala pajjiż fl-Unjoni Ewropea, f’pajjiżna għandna suq ħieles u l-gvern ma jistax jiddetta l-prezz tiegħu.

Hija fakkret li biex jipproteġi lill-konsumatur, il-gvern qiegħed jassorbi l-prezzijiet għolja tal-enerġija u saħansitra ta sussidju fuq il-qmugħ.

Farrugia Portelli qalet ukoll li taqbel ma’ dak li qal il-Prim Ministru dwar il-maġġoranza tas-sidien tan-negozji Maltin u Għawdxin u qalet li temmen li dawn huma beżlin u ġusti meta jiġu biex jagħmlu l-prezzijiet tagħhom. Tenniet tgħid li madanakollu sfortunatament issib dawk il-waħdiet li jagħżlu li jabbużaw minn ċertu sitwazzjonijiet.

Waqt id-diskussjoni waqt l-analiżi tal-ġurnali tal-Ħadd filgħodu, Farrugia Portelli qalet li numru ta’ prodotti għolew minħabba l-kunflitt bejn r-Russja u l-Ukrajna u ċ-ċirkostanzi internazzjonali oħrajn bħall-pandemija COVID-19. 

Dwar il-kwistjoni riċenti tal-kilometraġġ imbagħbas tal-karozzi impurtati mill-Ġappun, il-Ministru qalet li minn 82 każ, żewġ terzi diġà nġabilhom pakkett ta’ rikonċiljazzjoni li jvarja minn karozza oħra għal kumpens finanzjarju.

Sport