Saturday, April 27, 2024

“Kulma rrid hu li noħroġ minn hawn ħajja”… L-Amerikana tirriżulta pożittiva għall-Covid-19

Il-mara Amerikana u s-sieħeb jitkellmu mill-Isptar Mater Dei

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-mara Amerikana li tinsab fuq btala f’pajjiżna u li qiegħda tibża’ li tmut kawża ta’ possibbiltà ta’ infezzjoni jekk ma jsirilhiex abort, fetħet qalbha wkoll mal-midja barranija.

Ma’ wieħed mill-ġurnali fir-Renju Unit, Andrea Prudente ddikjarat li “Kulma nixtieq huwa li noħroġ minn hawn ħajja”. Hija kompliet biex tiddeskrivi s-sitwazzjoni mill-kamra tal-Isptar Mater Dei bħal ħolma kerha li qatt ma immaġinat li kienet se tesperjenza.

Prudente ta’ 38 sena u s-sieħeb tagħha Jay Weeldreyer ta’ 45 sena kienu fuq btala f’Għawdex meta fit-12 ta’ Ġunju l-mara bdiet tnixxi ħafna demm matul il-lejl.

Skont il-ġurnal fir-Renju Unit, it-tobba f’Għawdex assistew lill-mara u tawha mediċina biex jipproteġuha kontra l-korriment, iżda jumejn wara meta telqu lejn Malta, il-mara infaqgħalha l-ilma u ddaħlet fl-Isptar St Thomas. Minn hemm il-mara ġiet trasferita lejn l-Isptar Mater Dei. 

Skont l-istess sors, il-mara jidher li rriżultat ukoll pożittiva għall-Covid-19 u qiegħda tinżamm f’iżolament filwaqt li tingħata l-antibijotiċi sabiex tipprevjeni l-infezzjoni.

Is-sieħeb iddeskriva s-sitwazzjoni bħala “tortura emozzjonali u psikoloġika… Parti minni għadha qed tiċċelebra l-fatt li għad hemm qalb tħabbat, iżda fl-istess waqt ma rridhiex hemmhekk għax qiegħda twassal biex il-mara li nħobb tkompli tbati”.

Intant l-avukata tal-koppja u l-fundatur tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa f’Malta qalet li l-Isptar ipprovda d-dokumenti neċessarji biex isir it-trasferiment lejn ir-Renju Unit wara li intervjeniet hi u li dan wassal biex kien hemm ittardjar fit-trasferiment tal-koppja.

Madanakollu l-Isptar aktar tard ikkonferma li kien għadda lill-koppja d-dokumenti relatati.

Sport