Thursday, November 7, 2024

“Kummenti li weġġgħu lil mijiet ta’ familji f’pajjiżna”

- il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli tikkundanna kummenti “insensittivi” fil-konfront ta’ persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

“Ħadd ma talab lezzjoni tal-ebda Bibbja. Dan kien kumment insensittiv u diżgustanti u nistenna li l-Awtoritajiet kompetenti jagħmlu xogħolhom. Dħalna fil-politika biex nagħmlu differenza, u din il-ġimgħa ngħatajna raġun kemm kien hemm bżonn li f’pajjiżna ndaħħlu qafas leġiżlattiv li jipproteġi lill-persuni b’diżabbiltà minn kull tip ta’ hate speech.” Qalet dan il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli f’kummenti ma’ dan is-sit wara li fl-aħħar jiem kien hemm min allega li l-mard u d-diżabilità ġejjin mid-dnub.

Hija bdiet billi qalet li l-kummenti li ngħadu fil-programm Popolin kienu kummenti li weġġgħu lil mijiet ta’ familji f’pajjiżna. Qalet li fost il-messaġġi “tqal” li rċeviet bħala Ministru responsabbli mill-Inklużjoni kien hemm dak ta’ missier li għandu tifla b’diżabbiltà li kien jgħid: “jien naf f’liema punt suwiċidali kont meta ngħatajna l-aħbar ħames snin ilu. Kieku l-kumment li sar fuq Popolin kelli nisimgħu dakinhar li ngħatajna dik l-aħbar, kieku llum jien minix hawn.”

Il-Ministru Farrugia Portelli iżda nnotat li f’mumenti bħal dawn rajna kif il-maġġoranza tal-Maltin ingħaqdu flimkien f’solidarjetà. Imma rridu mmorru lil hinn. “Irridu soċjetà f’saħħitha li taborri dawn it-tip ta’ kummenti fejn persuni b’diżabbiltà jew inkella li għaddejjin minn mard, jiġu mgħajra li huma frott id-dnub,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Fakkret li sentejn ilu, ressqet quddiem il-Parlament emendi sabiex il-protezzjonijiet legali fir-rigward ta’ tali diskors ta’ mibegħda jiġi wkoll estiż ukoll fuq ll-persuni b’diżabilità. “Għaliex sa dak iż-żmien kienu għadhom minsijin. Emendi li għaddew unanimament. Kull min ivvota għalihom, ma għamilx dan sabiex jagħlaq ħalq in-nies. Imma minħabba f’sitwazzjonijiet bħal dawn, fejn irridu niżguraw li l-liġi tkun tassew sejf u tarka għall-oppress.”

“Issa hemm min jargumenta bil-freedom of speech. Bir-rispett kollu. Il-libertà mhix chewing gum. Filwaqt li d-dritt li wieħed jesprimi ruħu huwa intitolat għal protezzjoni qawwija, kliem li jippromwovi jew jiġġustifika kwalunkwe forma ta’ intolleranza mhuwiex soġġett għal protezzjoni simili, kif stqarret il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ ta’ Perinçek k. l-Iżvizzera.”

“Il-kwistjoni tal-proporzjonalità ġiet imqajma meta qorti tat multa ta’ ammont konsiderevoli lil persuna talli poġġiet meme dispreġġjattiv immirat lejn in-nies bid-Down Syndrome. Hemm min inqaras bil-kummenti ta’ persuni b’diżabilità, kien hemm min qalilhom ‘ma tistgħux tieħdu ċajta’, jew inkella min tkellem dwar il-libertà tal-espressjoni. Imma mbagħad naraw inċidenti bħal dawk li għadhom kif seħħu, fejn ċerti nies jaġixxu qisu xejn ma hu xejn, anke meta jafu li qegħdin fuq l-istazzjon nazzjonali u mhux f’xi rokna mistoħbijin minn kulħadd,” kompliet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

Tenniet li wieħed ma jistax iħares biss lejn l-argument tal-libertà tal-espressjoni u jieqaf hemm. Qalet li l-kunċett li persuni b’diżabilità ‘ma humiex normali’, u l-fatt li għadhom ċittadini tat-tieni klassi f’għajnejn ħafna, għadu fatt reali ħafna u li jwaħħax. 

“U dan jiġri sempliċement minħabba l-fatt li s-soċjetà tagħna għadha, anke wara tant sforzi minn attivisti u entitajiet bħall-Kummissjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, tħaddan oppressjoni sistemika kontra gruppi minoritarji u vulnerabbli, fejn jekk persuna taqa’ f’tali kategorija, trid jew tadatta, jew inkella tinġarr mal-kurrent.

“Irridu nifhmu li l-persuni b’diżabilità mhumiex qed jilagħbuha tal-vittmi. U rridu niefqu ngħidulhom ‘ieqfu kunu daqshekk sensittivi, qumu fuq tagħkom u ġġieldu lura’, meta aħna stess inkunu risponsabbli għall-ħolqien ta’ ambjent ostili illi jpoġġihom fi żvantaġġ awtomatiku qabel biss jippruvaw jagħmlu xi ħaġa.

“Anke jekk kumment kien maħsub biss bħala ċajta, jew inkella intqal mingħajr ma persuna ħasbet fil-konsegwenzi possibbli ta’ kliemha, fil-klima soċjali attwali li mhix ibbażata fuq l-aċċettazzjoni, it-tolleranza u l-inklużjoni ta’ kulħadd, imġiba tali tgħaddi l-messaġġ li huwa aċċettabbli li xi ħadd jagħmel agħar minn hekk, jew li sempliċement iqis tali aġir bħala aċċettabbli.”

Dwar il-kumment li sar fuq l-imsemmi programm televiżiv, il-Ministru qalet: “filwaqt li ninsew għal mument l-interpretazzjoni skorretta tal-Bibbja illi ntużat sabiex jiġi ġustifikat ċertu diskors, il-fatt li huwa ġeneralment aċċettat li mhix ħaġa ta’ barra minn hawn li tgħid ċerti affarijiet dwar persuni b’diżabilità u minoranzi oħra tilgħab parti kbira hawn. 

“Hemm ħafna affarijiet li jiġu f’moħħna meta nkunu madwar in-nies. Imma kultant nigdmu lsienna. Mhux neċessarjament għax xi ħaġa tkun illegali li tgħidha. Iżda minħabba li l-fatt li ċerti affarijiet ma jmorrux. Sfortunatament, għal ċerti nies, dan għadu ma japplikax għal dawk fostna li huma differenti min-norma, bħal dawk li jazzardaw iħaddnu s-sesswalità tagħhom, jew dawk b’diżabilità.

“U l-persuni b’diżabilità m’għandhomx diżabilità minħabba li huma inqas minn ħaddieħor. Id-diżabilità hija kunċett li jinbet mill-ostakli maħluqa mis-soċjetà. Minn nies li jmorru quddiem udjenza kbira u jitkellmu kif ġie ġie mingħajr ma jaħsbu dwar min se jweġġgħu u kif qabel – persuni li jagħmlu l-ħajja ta’ ħaddieħor miżerabbli billi jeskluduhom permezz ta’ kliemhom u bl-azzjonijiet tagħhom. Id-diżabilità ma tiġix minn Alla. Ġesù ma tantx kellu simpatiji ma’ dawk li kienu jeskludu lil min kienet tirrifjuta s-s-soċjetà ta’ żmienu, filwaqt li wissa kontra dawk li jgħawġu dak li tgħid l-Iskrittura skont ma jiftlilhom.

“Intqal waqt Popolin li Alla huwa perfett. Allura kull ħaġa ħażina ma tistax tiġi minn Alla. Preċiżament. Il-Bibbja tgħid li Alla għamilna lkoll fuq ix-xbieha tiegħu. Allura, kemm jekk persuna bajda kemm jekk sewda, kemm jekk gay jew trans jew le, kemm jekk persuna b’diżabilità jew le, aħna lkoll naqsmu fin-natura tal-istess Alla. Kull ħaġa ħażina ġejja min-nies bħalna,” tenniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Temmet tgħid li huwa importanti li nagħrfu r-realtà li ċertu diskors huwa, fil-fatt, diskors ta’ mibegħda, filwaqt li ħafna nies weġġgħu b’dak li ġara.

Sport