Sunday, December 22, 2024

Kumpanija twaqqaf l-użu ta’ fliexken tal-plastik.

Aqra wkoll

Port Logistics Operations Ltd (PLO) waqqfet l-użu ta’ fliexken tal-plastik PET li jintużaw darba biss u minflok bdiet tuża fliexken li jistgħu jerġgħu jimtlew. Din l-inizjattiva ekoloġika se tevita l-konsum ta’ madwar 30,000 flixkun tal-plastik li kienu jispiċċaw bħala skart riċiklat. 

Id-direttur maniġerjali ta’ PLO, il-Kaptan Noel Galea, qal li t-twaqqif tal-użu tal-fliexken tal-ilma tal-plastik mill-kumpanija se jfisser inqas skart u inqas spejjeż. Barra minn hekk l-operat tal-kumpanija se jsir aktar sostenibbli u jilħaq l-aspettattivi ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva mistennija mill-kumpaniji llum l-ġurnata. 

“Billi naħdmu fuq il-baħar, naraw l-impatt terribbli li l-prodotti tal-plastik għandhom fuq l-ambjent marittimu tagħna. Nemmnu li bħala negozju għandha nipprovdu għażliet sostenibbli għall-impjegati tagħna filwaqt li nsaħħu l-impenn tagħna biex nimminimizzaw l-impatt ambjentali tal-operat tagħna.”

Port Logistics Operations timpjega 60 persuna u kienet tordna medja ta’ żewġ pallets ta’ fliexken tal-plastik kull xahar. Id-distribuzzjoni ta’ żewġ fliexken li jistgħu jerġgħu jimtlew lil kull impjegat u l-installazzjoni ta’ tankijiet tal-ilma tax-xorb f’kull wieħed mill-pilot stations tagħha naqqsu drastikament l-iskart iġġenerat mill-kumpanija. 

Il-Kaptan Galea enfasizza li “meta kumpanija tieqaf tuża fliexken tal-ilma tal-plastik, dawn qed inaqqsu wkoll il-ħtieġa għall-produzzjoni, l-ippakkjar, u t-trasport tal-konsenja, li kollha kemm huma jużaw ammonti sinifikanti ta’ enerġija u riżorsi. Għalkemm fl-għajnejn, dan jista’ jidher li huwa sforz żgħir, b’aktar intrapriżi jieħdu dawn it-tipi ta’ inizjattivi, flimkien, nistgħu noħolqu bidla sinifikanti.”

Ekonomija

Sport