Monday, November 11, 2024

KUMPENS GĦALL-GĦOLI TAL-ĦAJJA … OBBLIGATORJU

Aqra wkoll

Fost id-diversi sfidi li l-pajjiż se jkun qed jindirizza fil-Baġit li ġej, waħda mill-aktar importanti hija dik dwar l-inflazzjoni u allura l-għoli tal-ħajja. 

Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja hija obbligatorja u toħroġ minn patt soċjali maqbul bejn kulħadd. Żieda li tikkumpensa għall-għoli tal-ħajja (COLA – cost of living adjustment), li għas-sena d-dieħla qed jiġi rapportat li se tkun għolja, liema żieda hija maħduma skont formula stabbilita bejn l-Imsieħba Soċjali. 

Il-ftehim tal-COLA kien daħal fis-seħħ fl-1990 fejn kien maqbul bejn min iħaddem, trejd unjins u Gvern. Ftehim li matul dawn l-aħħar 32 sena, qatt ma nbidel, u jekk iseħħ dak li qed jiġi propost ikun qed isir ksur tal-liġi apparti nkwiet fir-relazzjonijiet industrijali.

Il-ftehim kien daħal fis-seħħ proprju minħabba kwistjoni eżatt bħal din tal-lum. Il-famuża kwistjoni tal-Phoenicia fejn kien hemm żieda tal-ftehim kollettiv u żieda għall-għoli tal-ħajja mogħtija mill-gvern.

Jekk tara l-ammont li ngħata ta’ kull sena f’dawn l-aħħar 13-il sena, issib li l-average kien ta’ madwar €2.88c. Kien hemm żmien li ngħata ammont baxx, anke ħafna, u żmien meta ngħata ammont ogħla. Mekkaniżmu trasparenti li dejjem aderixxa miegħu kulħadd. 

Apparti hekk f’Malta n-negozjar ta’ ftehim kollettiv isir fuq livell ta’ organizzazzjoni u ż-żewġ partijiet jiġifieri min iħaddem u t-trejd unjins jaqblu fuq iż-żieda fil-pagi.

Din iż-żieda tingħata lil kulħadd, sew lill-impjegati, lill-pensjonanti kif ukoll lil dawk fuq il-benefiċċji soċjali. Filwaqt li l-istipendji tal-istudenti jkunu qed jogħlew pro-rata. 

L-għoli tal-ħajja hija realtà li mhux talli mhux qed nibżgħu nitkellmu fuqha iżda li se tiġi indirizzata biex fuq kollox il-familji speċjalment l-aktar vulnerabbli jkunu protetti u jinżamm l-istess purchasing power. 

Punt ieħor hu li jekk il-ftehim għandu jinbidel, dan isir wara diskussjoni u qbil bejn l-imsieħba soċjali u jkun jgħodd għall-futur u mhux għal dak preżenti. Tajjeb inżommu f’moħħna li l-aħħar darba li ġie diskuss ma kienx min-naħa tat-trejd unjins li ma sarx qbil.

Fi statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika joħroġ li l-akbar żieda fil-prezzijiet ġiet irreġistrata fil-prezz tal-ikel u xorb li mhux alkoħoliku. Neċessitajiet fil-ħajja ta’ kuljum. 

Sfida li Malta qiegħdha tqiesha bħala prijorità. Infatti l-Gvern Malti qed iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli. Filwaqt li qed jgħin ukoll billi jħallas għal ħażna żejda tal-qmuħ u tal-ġwież, filwaqt li joffri għajnuna lil dawk li jrabbu l-majjali.

Filwaqt li min iħaddem, ukoll, jeħtieġ li jagħmel il-parti tiegħu billi apparti ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, jikkumpensa b’mod adegwat, speċjalment lil dawk bi dħul baxx, permezz ta’ negozjati fil-ftehim kollettivi. 

Sport