Każ quddiem it-Tribunal Industrijali wassal biex tkeċċija mill-impjieg ta’ ħaddiem tal-kostruzzjoni tiġi dikjarata li ma saritx għal raġuni ġustifikata u għalhekk kienet inġusta u għaldaqstant il-ħaddiem involut ingħata kumpens ta’ €8,824 li jridu jitħallsu lilu fi żmien tmiem ġimgħat.
Dan il-każ kien riferut lit-Tribunal Industrijali f’Marzu tas-sena l-oħra rigward tkeċċija mill-impjieg ta’ ħaddiema tal-kumpanija Kandja Construction Ltd, li kien ilu impjegat magħha minn Ottubru 2018 b’kuntratt indefinit bħala site supervisor għall-proġett ta’ bini ta’ ċentru tal-Caritas għar-riabilitazzjoni mid-droga għal żgħażagħ taħt is-16-il sena.
F’Jannar tal-2021 direttur tal-kumpanija informa lill-ħaddiem involut biex minn nofs l-istess xahar ma jirrappurtax iktar għax-xogħol għax l-impjieg tiegħu kien se jiġi terminat għal raġuni ta’ redundancy.
Waqt is-smiegħ tal-fatti tal-każ sar magħruf li xogħol l-impjegat bħala site supervisor kien jikkonsisti filli jirreġistra kull vettura u persuna li jidħol fil-kumpless tal-kumpnaija fuq il-propjeta ta’ Caritas, jirreġistra wkoll il-materjal tal-kostruzzjoni u kull materjal ieħor użat għall-kostruzzjoni u għall-instalazzjoni. Huwa kien jagħmel dan ix-xogħol skont l-impjieg tiegħu bejn is-7.00 a.m. u l-4.00 p.m. mit-Tnejn sal-Ġimgħa.
Fix-xhieda tiegħu qal li minkejja li fuq il-post ma kienx hemm faċilità ta’ kameras tas-sigurtà, sakemm ġie terminat l-impjieg tiegħu qatt ma kien hemm rapporti ta’ serq jew oġġetti li għosfru mis-sit madankollu diretturi tal-kumpanija verbalment qalulu biex jikxef lil min allegatament kien seraq xi oġġetti. Huwa qalilhom li ma kellux ħjiel ta’ dan is-serq u wisq inqas min setgħet kienet il-persuna responsabbli għal dak is-serq. Huwa stqarr ukoll li xahar wara dan l-impjieg tiegħu ġie terminat.
It-Tribunal, wara li eżamina u evalwa x-xiehda, dokumenti u sottomissjonijiet li ressqu ż-żewġ naħat iddeċieda li l-impjieg tal-ħaddiem kien terminat inġustament u għġalhekk mhux skont il-liġi u għalhekk, il-kumpanija Kandja Construction Ltd kellha tħallas lill-impjegat is-somma ta’ €8,824 li hija kalkulata fuq tmien xhur salarju sa meta l-proġett kien konsenjat lil Caritas Malta.