F’kull demokrazija parlamentari, il-Kamra tar-Rappreżentanti hija meqjusa bħala l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Għalhekk, u għaldaqstant ieħor, il-kariga tal-Ispeaker hija kruċjali u importanti fil-funzjoni tad-demokrazija. Għalhekk ukoll, kull attakk li jsir fuq l-Ispeaker jista’ jkollu konsegwenzi gravi, legali, politiċi u soċjali. Aktar u aktar isiru gravi l-konsegwenzi jekk l-imminar tal-pożizzjoni tal-Ispeaker tkun motivat politikament.
L-atteġġjamenti li rajna dan l-aħħar jiem mill-oppożizzjoni Nazzjonalista, jew aħjar xi wħud minnhom fil-Parlament, fis-suppost l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, kienu oxxeni sal-punt li għamlu farsa mill-pożizzjoni parlamentari tagħhom. Mhux biss attakkaw b’mod indiskriminatorju lil Mr. Speaker imma wkoll għal iktar minn darba ostakolaw lill-Prim Ministru milli jagħmel stqarrija ministerjali.
Sa hawn jasal it-twemmin demokratiku tal-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni. Sa hawnhekk jasal it-twemmin tagħhom fis-saltna tad-dritt u fl-imġiba parlamentri korretta, fl-għajjat u t-tgħajjir. Dan ma jiskantaniex iżda. Il-ġrajjiet tal-aħħar jiem ikomplu jiftħulna għajnejna dwar x’politika jmexxi l-PN, li għal iktar minn darba ma kinitx aċċettata mill-poplu Malti u Għawdxi.
Possibbli li fl-aġir kundannabbli tagħhom, u fl-insulti lil Mr Speaker, ma ndunawx li qed ikattru u jkabbru l-firda fost in-nies f’pajjiżna? Possibbli li lanqas indunaw illi l-mod li mxew bih fil-Parlament jista’ f’għajnejn il-barranin jidher bħala sinjal ta’ instabilità politika, bi ħsara kbira għall-ekonomija u wkoll għall-progress soċjali tal-familji Maltin.
Inkunu qed niżbaljaw jekk inwaħħlu fil-membri kollha tal-Opożizzjoni għall-aġir irresponsabbli ta’ dawn l-aħħar jiem. U dan mhux se nagħmluh għax nafu li kien hemm membri parlamentari nazzjonalisti stess li għax onorevoli, skużaw ruħhom ta’ dak li sar minn uħud minn sħabhom fil-Parlament fil-konfront ta’ Mr Speaker. Hekk għandhom isiru l-affarijiet, b’mod ċivili u l-attakk ikun fuq il-messaġġ u mhux fuq il-messaġġier. Kif wara kollox jitlob dibattitu ċivili, speċjalment f’oqsma li jolqtu direttament liċ-ċittadini.
Għalhekk mhux biss l-aġir tagħhom kien kundannabbli imma wkoll il-fatt li ħarġu ’l barra mis-seduta tal-Parlament u b’hekk abdikaw mir-responsabbiltà parlamentari tagħhom.